Lokali

La Salle Malta tnedi sit ġdid b’dettalji dwar il-ħidma Lasalljan f’Malta

La Salle Malta nediet sit ġdid, www.lasallemalta.edu.mt, bil-għan li tagħti informazzjoni dettaljata dwar il-ħidma tan-network Lasalljan f’Malta filwaqt li jgħaqqad man-network usa’ Lasallijan madwar id-dinja.

La Salle Malta hija n-network tal-Kulleġġi Lasalljani f’Malta, il-Kulleġġ De La Salle u l-Kulleġġ Stella Maris. Dawn iż-żewġ kulleġġi jinkorporaw sitt skejjel li jservu studenti li jsegwu l-edukazzjoni fil-livell primarju u sekondarju sal-livell post-sekondarju tas-Sixth form. Aktar minn 400 edukatur jaħdmu fil-kulleġġi li jaqdu aktar minn 2,400 student. In-network jinkorpora wkoll iċ-Ċentru Pastorali Lasalljan fil-Mellieħa.

Is-sit jagħti prominenza lill-ħidma edukattiva qawwija li qed issir f’dawn is-sitt skejjel, b’sezzjoni dedikata għal kull waħda mill-iskejjel Lasalljani. Is-sit jagħti informazzjoni dettaljata dwar kull skola, il-kurrikulu li qed jiġi offrut u l-attivitajiet li qed jiġu organizzati. Is-sit se jkun aġġornat ukoll b’informazzjoni dwar avvenimenti u attivitajiet riċenti organizzati minn kull skola.

Barra minn hekk, is-sit jagħti wkoll informazzjoni dwar id-Distrett Lasalljan tal-Irlanda, Gran Brittanja u Malta kif ukoll l-istitut internazzjonali Lasalljan. Illum il-familja Lasalljana hija magħmula minn aktar minn 3,000 Brother, li flimkien ma’ 90,000 edukatur u kollaboratur lajk jassistu f’aktar minn 1,100 xogħol edukattiv fi 80 pajjiż, li jagħtu appoġġ lil aktar minn miljun student, inklużi tfal, żgħażagħ u adulti.