Lokali Qorti

Sqalli mixli li stupra lill-eks sieħba tiegħu jingħata l-libertà proviżorja

Raġel akkużat li stupra lill-eks sieħba teigħu li marret id-dar tiegħu biex tgħidlu ‘addio’ qabel iżur lill-familja tiegħu fi Sqallija ngħata l-libertà proviżorja. L-Isqalli ta’ 44 sena, li jaħdem bħala ‘deliveryman’ kien fil-mira ta’ prosekuzzjoni kriminali wara l-inċident li allegatament seħħ fl-appartament tiegħu f’Tas-Sliema meta l-mara li għamel perjodu f’magħha marret id-dar tiegħu biex tawguralu l-vjaġġ it-tajjeb.

Ir-raġel kien mistenni jżur lil ommu li qed tmut f’art twelidu. Iżda dawk il-pjanijiet fallew wara li l-mara ressqet rapport dwar l-allegat stupru. L-investigazzjonijiet wasslu biex ir-raġel tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li stupra lill-vittma u li żammha kontra l-volontà tagħha.

Huwa kien wera’ l-innoċenza tiegħu u talab il-ħelsien mill-arrest li, madankollu, kienet oġġezzjonata bil-qawwa għaliha mill-prosekuzzjoni mhux biss minħabba l-gravità tar-reat iżda wkoll minħabba r-riskju li jaħrab u r-riskju ta’ tbagħbis tal-provi.

Meta tressaq l-akkużat inżamm arrestat sakemm jitkomplew il-proċeduri kriminali fir-rigward tiegħu. Talba ġdida għall-ħelsien mill-arrest, ippreżentata mill-avukat tiegħu Roberto Montalto, ġiet milqugħa mill-Qorti tal-Maġistrati peress li xehedet ix-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni, jiġifieri l-vittma.

Il-Maġistrat Doreen Clarke tat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €7,000, garanzija personali ta’ €10,000 u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, tliet darbiet fil-ġimgħa. Il-Qorti kienet laqgħet talba miż-żewġ partijiet biex jiġu pprojbiti l-ismijiet kemm tal-vittmi kif ukoll tal-akkużati. L-Ispetturi John Spiteri u Colin Sheldon qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukat tal-AĠ Angele Vella. L-avukat Roberto Montalto huwa l-avukat difensur.