L-awtoritajiet fi Spanja ħadu l-istess deċiżjoni tal-Italja biex in-nies ma jibqgħux jilbsu l-maskri ta’ bilfors waqt li jkunu mexjin barra. Intant, il-mandat għal Madrid u l-ibliet Spanjoli l-oħra jesiġi biex in-nies jibsu l-maskra f’sitwazzjonijiet fejn jispiċċaw qalb il-folol.
Id-deċiżjoni, fi Spanja, biex in-nies ma jilbsux aktar maskri fil-miftuħ qed issir effettiva minn għada l-Ħamis – bil-miżura tkun ikkonfermata mill-kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa Spanjola.
Intant, fl-Italja, il-Ministru tas-Saħħa Roberto Speranza iffirma digriet li qed iwaqqaf l-ilbies tal-maskri ta’ bilfors fil-postijiet miftuħin. Madankollu, xi kriterji tas-sigurtà se jibqgħu mħarsa f’dan il-pajjiż u meta – l-istess bħal fi Spanja – in-nies ikunu jridu jilbsu l-maskri ladarba jiltaqgħu bħala miġemgħa.
Fl-istess ħin, il-maskri, fl-Italja, iridu jintlibsu xorta fil-postijiet bil-magħluq sal-aħħar ta’ Marzu.
Fl-aħħar sigħat ukoll kienu għaddejjin id-dimostrazzjonijiet fi New Zealand dwar ir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija u fejn inġabru gruppi kbar tan-nies barra l-bini tal-Parlament fil-belt ta’ Wellington. Id-dimostranti qed jieħdu l-ispirazzjoni mir-rallies li għaddejjin fil-Kanada u fejn mijiet tan-nies, inklużi sewwieqa tat-trakkijiet il-kbar, qed jipprotestaw dwar l-għoti tal-vaċċin u regoli oħra dwar il-Covid.
Id-dimostranti f’Wellington — li adottaw l-isem ‘Convoj for Freedom’ — damu s-sigħat jimblukkaw it-toroq fil-kapitali għalkemm l-aħħar rapporti qalu li n-numri tagħhom, issa, naqsu sew.
Ir-rallies inkwistjoni fil-parti kbira kienu injorati mid-deputati parlamentari ta’ New Zealand u meta l-ebda deputat – mill-Prim Ministru Jacinda Ardern ‘l isfel – ma ltaqa’ mar-rappreżentanti tad-dimostranti biex jisimgħu l-ilmenti tagħhom.
//= $special ?>