Internazzjonali

Il-kriżi tal-Ukrajna: Ir-Russja tiċħad li d-diplomazija ta’ Macron setgħet wasslet għall-‘garanziji’ sinifikanti

FILE PHOTO: French President Emmanuel Macron and Russia's President Vladimir Putin attend a joint news conference after a Normandy-format summit in Paris, France, December 9, 2019. REUTERS/Charles Platiau/Pool?

Ir-Russja qed tiċħad li l-missjoni ta’ diplomazija li qed tmexxi Franza setgħet wasslet għall-‘garanziji’ min-naħa ta’ Moska inkella ‘wiegħdiet sodi’ għal soluzzjonijiet konkreti għall-kriżi tal-Ukrajna.

Il-kelliema għall-Kremlin f’Moska insistew li ‘mhumiex korretti’ is-suġġerimenti tal-President Franċiż Emmanuel Macron li ‘hu irnexxielu jieħu l-garanziji mingħand il-President Russu Vladimir Putin fis-sens li mgħandhiex teskala s-sitwazzjoni mal-fruntiera tal-Ukrajna.’

Dan meta l-għexieren tal-eluf tat-truppi Russi għadhom skjerati mal-fruntiera tal-Ukrajna u meta kollox għad jista’ iseħħ minkejja li Moska għadha tinsisti li mgħandhiex il-ħsieb li tinvadi t-territorji Ukreni.

Filwaqt li l-Istati Uniti temmen li r-Russja stazzjonat ‘l-akbar preżenza militari fuq l-għatba tal-ġar ( l-Ukrajna) miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra’, Macron – li pajjiżu għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea — qed jgħid li d-diplomazija kapaċi tevita invażjoni tal-Ukrajna li ma tkun fl-interess ta’ ħadd.

It-tensjoni bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-Punent qed tiżviluppa kważi tmien snin wara li r-Russi ħatfu l-kontroll tal-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqduha ma’ arthom.

Intant, ir-Russja qed takkuża lill-Gvern tal-Ukrajna b’li falla milli jimplimenta l-Ftehim ta’ Minsk – jew aħjar il-patt internazzjonali sponsorjat mill-Ġermanja u Franza għar-restawr tal-paċi fiz-zoni tal-lvant tal-Ukrajna. Ħafna minn dawn iz-zoni  huma kontrollati mir-ribelli li jappoġġjaw lil Moska u fejn inqatlu madwar 14,000 b’riżultat tal-battalji bejn ir-ribelli u l-Armata Ukrena li ilhom mill-2014.

Il-President Macron, fl-aħħar sigħat, kien qed ikompli b’tour diplomatiku ta’ diversi pajjiżi u wara l-laqgħat tiegħu ma’ Putin hu ivvjaġġa lejn Kiev għal laqgħat mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky.Min-naħa tiegħu, Zelensky ħeġġeġ biex il-President tar-Russja jieħu l-miżuri serji u konkreti għat-tnaqqis tat-tensjoni mal-fruntiera komuni.

Wara l-Ukrajna, Macron mar f’Berlin fejn issieħeb mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz u l-President tal-Polonja,  Andrzej Duda. Dam waqt li huma esprimew ‘l-appoġġ konġunt’ għas-sovranità tal-Ukrajna. Din il-laqgħa saret bħala parti mis-summit tal-grupp magħruf bħala t-Trianglu ta’ Weimar, li kien iffurmat 31 sena ilu wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda, bil-għan li l-Ewropa tiffaċċja bl-aħjar mod l-isfidi l-ġodda.

Sadanittant, ir-Russja qed tiċħad ukoll li Emmanuel Macron u Vladimir Putin, waqt it-taħditiet, waslu fi ftehim biex ir-Russja tirtira lit-truppi tagħha mill-Belarus ladarba dawn jikkonkludu l-eżerċizzji militari li għaddejjin bħalissa fl-artijiet qrib il-fruntiera li tmiss man-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna.

Fil-fatt, Dmitry Peskov, bħala kelliem għall-Kremlin, irrifjuta għal kwalunkwe ftehim avolja ammetta li ‘it-truppi (Russi) mistennija li jirritornaw, f’xi żmien, lejn pajjiżhom’.