Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għadu skomdu immens biex iwieġeb dwar is-sieħba tiegħu, Amanda Muscat – li sa ftit ta’ żmien ilu kienet isservi bħala segretarja personali tiegħu fi ħdan il-Ministeru li huwa responsabbli minnu.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat sar magħruf li, bil-għan li jibża’ għas-siġġu tiegħu, Bartolo rranġa ma’ sieħbu l-Ministru Clint Camilleri sabiex Amanda Muscat tinxteħet fuq il-kotba tal-Ministeru għal Għawdex …u tingħata impjieg hemm.
Bi Clint Camilleri jevita ghal kollox milli jwiegeb dwar dan l-ahhar skandlu li dahal fih il-Ministru sieħbu.
Is-sit tal-aħbarijiet The Shift News kien irrapporta din il-mossa bħala waħda magħmula sabiex ma jiġrilux bħall-eks Ministru Justyne Caruana li spiċċat kellha twarrab mill-Kabinett wara li nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika meta tat kuntratt ta’ €15,000 lis-sieħeb tagħha fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Għaldaqstant, Il-mossa ta’ Bartolo ġiet deskritta minn bosta bħala waħda kożmetika – biex jgħatti xturu.