Lokali

Konferma oħra li l-Gvern ma jridx jagħti refund lin-nies wara s-serq fil-kontijiet tad-dawl

Il-Ministru Clyde Caruana qed jirrepeti l-messaġġ tal-Prim Ministru tiegħu; u jinsisti li ma jridx jagħti refund fuq is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Waqt dibattitu fuq il-PBS mal-kandidat tal-PN Jerome Caruana Cilia, il-Ministru tal-Finanzi staħa jammetti li dan huwa serq. Meta fil-verita’, dan is-serq mill-kontijiet kien konfermat anke permezz ta’ analiżi li għamel l-Awditur Ġenerali fl-aħħar xhur.

Jerome Caruana Cilia minn naħa tiegħu insista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti refund lill-familji kollha li ġew misruqa mill-kontijiet.

Intant…fl-istess programm, il-Ministru tal-Finanzi ammetta li l-Gvern se jibqa’ jkaxkar saqajh dwar id-deal skandaluż tal-isptarijiet. Għaliex se jistenna l-kawżi li hemm pendenti fil-Qorti qabel jieħu azzjoni – dan meta jaf illi d-deal tal-Vitals u Steward huwa wieħed frowdulenti, kif ammettew Steward infushom.

Waqt dan il-programm, Clyde Caruana ammetta li hemm affarijiet li setgħu saru differenti minn naħa tal-Gvern tul dawn l-aħħar snin; fosthom kif tberbqu l-flus mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Mistoqsi dwar meta pajjizna se joħroġ mil-lista l-griża, il-Ministru Caruana ma ta ebda indikazzjoni; lista li pajjizna spiċċa fiha minħabba skandli u żbalji li saru mill-Gvern Laburista… bil-Ministru jibqa’ ma jagħti ebda timeline ta’ meta pajjizna se joħroġ minn fuq id-din il-greylist biex ma tibqax tittappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

U quddiem ir-realtà ta’ ħafna persuni li qed ibatu minħabba li mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, il-Ministru tal-Finanzi ma ċaħadx li iktar tard din is-sena l-problema tal-għoli tal-ħajja se tkompli tiżdied. Jerome Caruana Cilia minn naħa tiegħu qal li l-Prim Ministru qatt ma jista’ jifhem lill-ħaddiema li qed ibatu għax hu jinsab għaddej tajjeb, bi dħul li kellu minn kuntratt wieħed biss ta’ 17,000 ewro fix-xahar.