Qorti

L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dentisti mħassba dwar deċiżjoni ta’ Mħallef kontra dentist

L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dentisti, fi stqarrija, qalet li tinsab imħassba ferm b’sentenza mogħtija ftit jiem ilu fil-Qorti fil-konfront tad-Dentist Jeffrey Pullicino Orlando.

Il-kawża kontra d-dentist kienet saret 13-il sena ilu minn Nathalie Bartolo kontra d-Dentisti Jeffrey Pullicino Orlando u Alex Azzopardi għaliex sostniet li intervent li kien sarilha fi snienha ma kienx irnexxa u hi baqgħet issofri uġigħ għal tul ta’ snin.

Fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni tad-Dentisti qalet li jidher li l-Imħallef Francesco Depasquale bbaża l-konklużjonijiet tiegħu “fuq iċ-ċertezza morali” waqt li kien injorat ir-rapport imħejji mill-espert tal-Qorti u x-xhieda ta’ erba’ esperti oħra fil-qasam tad-dentistrija.

Fost oħrajn semmiet il-konklużjonijiet tal-Prof. J. Portelli li kkonkluda li l-uġigħ persistenti tal-persuna involuta ma setax kien kawża tal-intervent li sarilha. Hu rrefera wkoll għax-xhieda ta’ Dr Marilyn Casha, speċjalista tal-uġigħ, li kkonkludiet li l-uġigħ kien kawża ta’ ‘Chronic Facial Pain Syndrome’, dikjarazzjoni li tmur kontra l-konklużjonijiet espressi mill-Imħallef fis-sentenza tiegħu.

L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dentisti, filwaqt li tirrikonoxxi l-fatt li kwalunkwe intervent – ikun ta’ liema natura medika jkun – jista’ ma jirnexxix, meta tikkonsidra x-xhieda tal-esperti fil-qasam tad-dentistrija, inkluż Eks Dekan tal-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università ta’ Malta, speċjalista tal-uġigħ u tliet esperti oħra, tikkonkludi li ma kien hemm l-ebda negliġenza min-naħa tad-dentisti fl-intervent tagħhom.