Kultura Lokali

“Niċċelebraw il-festi kif xieraq” – Bernard Grech

“Il-festi huma parti importanti mill-kultura ta’ pajjiżna u rridu niċċelebrawhom kif inhu xieraq.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed iżur l-aħħar preparamenti fil-Belt Valletta. Dan meta kollox jinsab lest biex Malta u Għawdex, pero b’mod partikolari l-Pawlini, jiċċelebraw il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu – festa li għal darb’oħra qed tkun iċċelebrata b’mod kemxejn ridott miċ-ċelebrazzjonijiet li huma sinonimi ma’ din il-festa l-iktar għal qalb il-Beltin.

Lejliet dan il-jum speċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar il-Belt Valletta fejn għada jilħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet. Bernard Grech iltaqa’ wkoll mal-Arċipriet tal-Parroċċa, il-Kanonku David Cilia, li ma’ Net News tkellem dwar l-aħħar preparamenti li qed isiru għall-pontifikal.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-Belt Valletta, il-Kap tal-PN iltaqa’ ma’ diversi persuni li miegħu komplew jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-isfidi li qed jaffacjaw id-dilettanti tal-festi. Dan filwaqt li Bernard Grech kien qed iżur lill-voluntieri li qed isebħu t-toroq tal-Belt Valletta bl-armar tal-festa. U fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar jiem qamet kontroversja minħabba li l-awtoritajiet waqqfu l-purċissjoni milli ssir, Net News tkellem mal-President tal-Għaqda tal-Pawlini Douglas Mifsud li magħna saħaq li s-sens komun rebaħ.