Lokali

“Qed naħdmu biex inkomplu ntejbu l-għixien tal-familji” – Michael Piccinino

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess biex ikompli jippreżenta aktar proposti favur il-ħaddiema, l-anzjani, il-familji u l-pensjonanti – Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech se jkun qed ipoġġi lin-nies l-ewwel u qabel kollox, u mhux l-interessi tal-ftit.

Kien dan il-messaġġ illi twassal mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino waqt attività soċjali li saret f’Baħar iċ-Ċagħaq fejn kien hemm attendenza numeruża ta’ partitarji u attivisti tal-PN.

Flimkien mal-kandidati preżenti…Michael Piccinino kellu l-opportunità jiltaqa’ man-nies u jisma’ mingħandhom it-tħassib tagħhom, speċjalment fejn jidħlu kwistjonijiet marbuta mal-għoli tal-ħajja, u s-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma li għadu qed jaffetwa diversi familji.

Mas-Segretarju Ġenerali…il-persuni preżenti rrimarkaw dwar il-fatt li xahar wara l-ieħor qed ikomplu jgħolew il-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-aħħar jiem ikkonfermaw żieda ta’ aktar minn 5% fil- prezzijiet tal-prodotti tal-merċa – żieda li ċertament tirrifletti r-realtà tal-ħajja li l-poplu qed ikollu jħabbat wiċċu magħha meta joħroġ jixtri, kif sostnew ħafna minn dawk preżenti għall-attivita tal-Erbgħa filgħodu.

Minn  naħa l-oħra, dawk preżenti faħħru lill-PN għall-fatt li qed ikompli jippreżenta aktar proposti konkreti – inkluż il-kuncett tal-Living Wage li hija wegħda mhix imwettqa minn naħa tal-Gvern Laburista, u li Gvern ġdid Nazzjonalista kommess illi jagħmilha realtà.