Lokali

Xena oħra ta’ persuna rieqda barra

Persuna xerred dan ir-ritratt magħna fejn fih jidher persuna li jinsab rieqed fuq bus stop fil-Gżira. L-istess persuna qal magħna li din hija xena xejn sabiħa, fl-ebda staġun, iżda b’mod partikolari bħalissa meta filgħaxija qed ikollok temperaturi kiesħa u baxxi.

L-istess persuna qal li lemaħ ukoll għadd ta’ persuni rieqda fil-ġnien biswit din l-istess bus stop.

Din ix-xena tkompli tikkonferma statistika tal-Eurostat fejn uriet li f’pajjiżna hawn madwar 90,000 persuna li qegħdin fil-faqar jew jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Infatti Net News kien anki tkellem ma’ persuni li jaħdmu ma’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem u qalulna kif l-għoli tal-ħajja u l-kirjiet qed jitfgħu lil numru ta’ persuni f’dawn iċ-ċirkostanzi, bla saqaf fuq rashom.

Caritas Malta wkoll kienu tkellmu dwar kemm huma mħassba għal min huwa f’faqar assolut u l-ebda awtorità ma tkun taf bih.