Żdiedu s-sinjali li l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban, bħalissa, jinsabu għaddejjin b’sensiela ta’ qtil u ‘atroċitajiet’ kontra residenti tal-Afganistan indikati bħala ‘tradituri’. Dan waqt li n-Nazzjonijiet Uniti esprimiet inkwiet qawwi dwar ‘azzjonijiet ta’ tpattija sistematiċi’ mit-Talibani kontra attivisti, ġurnalisti, eks uffiċjali tal-Gvern u — b’mod partikulari – l-eks membri tas-sigurtà Afgana.
Hu wkoll preokkupanti l-fatt li ‘ma dehrux aktar’ numru ta’ nisa li ħadu sehem fi protesti għad-drittijiet tal-mara fl-Afganistan. Sadanittant, it-Taliban ċaħad li qed iżomm lin-nisa priġuniera jew bħala ostaġġi. Fl-istess ħin, kelliema għall-militanti Iżlamiċi li fis-sajf ħadu lura l-kontroll tal-Afganistan wara nuqqas ta’ 20 sena insistew li huma taw amnestija ġenerali lil kulmin kien qed jaħdem għall-amministrazzjoni preċedenti f’Kabul.
Madankollu, numru ta’ investigaturi u ġurnalisti barranin, bħalissa, qed jinvestigaw numru ta’ inċidenti ‘koroh’ li seħħew fl-aħħar xhur fl-Afganistan, b’numru minn dawn l-inċidenti jseħħu proprju fl-aħħar ġimgħatejn.
//= $special ?>