Hemm ċans kbir li l-Maratona ta’ Malta ta’ din is-sena tiġi kkanċellata.
Hekk ġie spjegat fuq il-paġna uffiċjali tal-Malta Marathon fejn ingħad li sakemm l-Awtoritajiet konċernati ma jippubblikawx protokolli prattiċi fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 fejn għandhom x’jaqsmu attivitajiet tal-isports tal-massa – kif ukoll permess għal rotta li ilha tintuża għall-aħħar tnax-il sena… din se tiġi kanċellata fis-sigħat li ġejjin.
Minflok, ġie spjegat li r-rotta proposta minn Transport Malta ġiet deskritta bħala waħda inaċċettabbli mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, kif ukoll mill-Malta Red Cross u l-Pulizija tat-Traffiku.
Ġie spjegat li f’37 sena minn kemm ilha ssir din il-maratona, għall-ewwel darba jaf ma ssirx…għat-tielet darba.
Dan hekk kif fl-2019 tħassret minħabba l-maltemp, fl-2021 minħabba l-pandemija u fl-2022…minħabba permessi tal-Gvern.
Għaldaqstant ġie spjegat li la darba l-maratona tiġi kanċellata, se jkun qiegħed jingħata refund għal kull min applika.