“L-unika garanzija sabiex il-poplu ma jibqax jinsteraq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-unika garanzija li ċ-ċittadin għandu li jingħatalu flusu misruqa mill-kontijiet lura, huwa Gvern ġdid Nazzjonalista”.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’reazzjoni għall-ammissjoni tal-Prim Ministru Robert Abela meta f’intervista ma’ Net News sostna li mhux se jagħti refund.
Bernard Grech minn naħa tiegħu qed jikkommetti ruħu li taħt Gvern ġdid immexxi minnu se jingħata lura sal-inqas ċenteżmu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li illum kulħadd huwa konxju u konvint li qed jinsteraq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma fejn spjega li hawn persuni fl-aħħar snin li insterqu minn €100 sa saħansitra €2,000.
Bernard Grech spjega li b’diskorsu, Robert Abela wera kemm huwa fil-verità maqtugħ mir-realtà tan-nies u li ma jistax jifhem it-tbatijiet tagħhom.
Huwa spjega wkoll li b’din id-dikjarazzjoni, il-Prim Ministru għal darb’oħra injora b’mod ċar dak li ntqal mill-awditur ġenerali kif ukoll mill-mijiet ta’ kontijiet li ġew analizzati mill-PN.
Għaldaqstant bi tmexxija ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista taħt il-gwida ta’ Bernard Grech il-familji Maltin u Għawdxin għandhom il-garanzija li sa mill-ewwel jum tibda l-ħidma sabiex kull ċittadin jingħatawlu flusu lura; flus li nsterqulu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma…flus li huma tagħhom bi dritt.
//= $special ?>