Inħares lejn futur fejn l-Unjoni Ewropea tkun ibbażata fuq politika ta’ ottimiżmu u ftuħ ħalli kulħadd iħossu li jista’ jkun parti minn familja akbar mit-territorju ta’ pajjiżek.
Dik kienet il-ħolma li kbirt fiha u li issa hi r-responsabbiltà tiegħi li nara li jgawdu minnha l-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan kien l-impenn espress mill-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola f’intervista li xxandret illejla, matul NET Live, fl-okkażjoni tal-ewwel żjara uffiċjali tagħha minn kemm ilha sservi f’din il-kariga.
Matul l-intervista kienu trattati diversi temi, bil-President tal-Parlament Ewropew ittenni kemm hi kburija f’pajjiżna, li dejjem ra kif jista’ jimmira ‘l fuq u jmur aħjar.
Fuq kollox esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-mod kif il-Maltin u l-Għawdxin fdawha f’din l-istituzzjoni importanti Ewropea.
Roberta Metsola kompliet billi fakkret li, f’mumenti tal-istorja, pajjiżna kien fiċ-ċentru tad-dinja u bl-istess mod, trid tħares lejn l-integrità tal-argument li wieħed iressaq minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż minfejn ikun ġej.
Dan għamilielha aktar naturali li tagħżel propju lil pajjiżna biex fih tagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew.
Mistoqsija dwar kif tħoss li għandha tressaq liż-żgħażagħ aktar lejn l-Unjoni Ewropea, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li trid li l-istituzzjoni li tmexxi tara li ż-żgħażagħ jifhmu dak li sar, kif u għaliex meta jintalbu jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fl-elezzjoni li jmiss.
Hi spjegat ukoll kif, meta kienet għadha żgħira, trabbiet fi ħdan l-għaqdiet lokali fil-Gżira u qatt ma immaġinat li se tkun parti minn istituzzjoni daqstant importanti.
Madankollu, meta bdiet tikber, ħasset il-ħtieġa li ma tistenniex mingħand ħaddieħor meta tħoss li hemm xi ħaġa bżonnjuża li ssir. Min-naħa l-oħra, it-tfal illum aktarx qed jieħdu d-drittijiet li toffri l-Unjoni Ewropea ‘forgranted’ għax kibru direttament fihom.
Roberta Metsola fakkret kif fl-aħħar snin – partikolarment wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – il-Parlament Ewropew ta importanza partikolari lil-libertà tal-media, fosthom b’ħidma kontra l-kawżi tal-iSLAPP. Ħidma li hi stess għamlet enfażi dwarha, akkumpanjata fost l-oħrajn minn David Casa.
Hu għalhekk li trid li l-Unjoni Ewropea sservi bħala mudell għal kif il-politiċi jagħtu protezzjoni lil min qed ifittex il-ġustizzja u l-verità.
//= $special ?>