Internazzjonali

Ir-Russja: Għaxart ijiem ta’ eżerċizzji militari mal-Belarus

Ir-Russja u l-Belarus bdew għaxart ijiem ta’ eżerċizzji militari konġunti fost l-isforzi intensivi u attwali mid-diplomatiċi Ewropej biex jevitaw gwerra bejn il-qawwiet Russi u l-Ukrajna. U għalkemm aktar pajjiżi qed jissieħbu fl-isforzi biex tittaffa l-kriżi bejn ir-Russja u l-Ukrajna, l-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent wissew li – irrispettivament mill-istqarrijiet ta’ Moska –‘l-attakk fuq l-artijiet Ukreni jista’ iseħħ fi kwalunkwe ħin’.

Il-Belarus hu alleat kbir tar-Russja minbarra li għandu wkoll fruntiera komuni mal-Ukrajna. U waqt li Moska qed tħalli l-bieb imbexxaq għal djalogu u negozjati mal-Punent, Franza ma żammitx lura milli tfisser dawn l-eżerċizzji ( bejn ir-Russja u l-Belarus) bħala ‘ġest ta’ vjolenza’.

L-eżerċizzji qed jinkwetaw sew lill-Ukrajna, bl-aħħar stqarrijiet minn Kiev jakkużaw lill-Belarus b’li qed jgħin lir-Russja biex twettaq ‘pressjoni psikoloġika’ fuq il-poplu Ukren.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson għamilha ċara li l-iżviluppi li jmiss għandhom ikunu kruċjali meta l-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar kriżi tas-sigurtà għal għexieren ta’ snin – mit-tmiem tal-Gwerra Bierda ‘l hawn.

Hu tenna li l-kriżi tinsab f’mument perikoluż għall-aħħar u li gwerra fl-Ewropa għandha tkun waħda diżastruża għal kulħadd. Il-Prim Ministru Britanniku, fl-aħħar sigħat, iltaqa’ mas-Segretaru-Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg fi Brussell u wara, hu telaq lejn il-Polonja għal aktar taħditiet dwar is-sitwazzjoni.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss marret f’Moska biex tipprova twassal għal di-eskalazzjoni tal-kriżi.

Dan meta r-relazzjonijiet ta’ Londra mar-Russja ‘huma l-agħar għal ħafna snin’, b’Liz Truss, waqt konferenza tal-aħbarijiet, twissi li politika ta’ aggressjoni kontinwa għandha twassal għall-konsegwenzi serji. Madankollu, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov, fl-istess konferenza, akkuża lill-Punent b’li qed jiġġenera ‘reazzjoni isterika’ fiċ-ċirkustanzi.

Ir-Russja għadha qed iżżomm preżenza ta’ aktar minn 100,000 suldat mal-fruntiera tal-Ukrajna, bl-aħħar eżerċizzji militari tal-qawwiet tagħha qed isiru qrib ħafna l-fruntiera tal-Belarus mat-territorji Ukreni. Hemm il-biża’ li jekk ir-Russja tipprova tinvadi lill-Ukrajna, il-militar Russu – grazzi għal dawn l-eżerċizzji – għandu jkun eqreb ta’ Kiev u li jfisser li kwalunkwe assedju fuq il-kapitali Ukrena għandha ssir aktar faċli.