Id-difensur ta’ West Ham United u t-tim nazzjonali Franċiż Kurt Zouma jista’ jeħel sa erba’ snin ħabs, jekk jinstab ħati taħt liġijiet ġodda iebsa dwar il-protezzjoni tal-annimali f’art twelidu fi Franza, talli sawwat u ta daqqa ta’ sieq lill-qattus tiegħu.
Fil-fatt tressaq ilment legali kontra l-plejer ta’ 27 sena f’Pariġi, fejn il-pajjiż jinsab ixxukkjat fuq filmat li jurih jattakka l-pet tiegħu fid-dar tiegħu f’Essex. Dan wassal biex avukati li jaħdmu għall-Fondazzjoni 30 Million Friends (La Fondation 30 Millions d’Amis), l-akbar grupp għad-drittijiet tal-annimali fi Franza, jikkuntattjaw lill-prosekuturi.
Kelliem għall-Fondazzjoni qal: ‘Aħna nikkundannaw dan l-att faħxi, u tlabna li l-player jiġi sospiż mit-tim nazzjonali ta’ Franza, u tressaq ilment legali kontrih.’ Skont l-artikolu 113-6 tal-Kodiċi Penali Franċiż, ċittadin Franċiż jista’ xorta waħda jiffaċċa proċeduri għal atti kriminali mwettqa barra mill-pajjiż.
Fi Franza ġew introdotti liġijiet ġodda u iebsa dwar il-protezzjoni tal-annimali fl-2021, li jfisser li t-‘trattament ħażin tal-annimali’ issa huwa punibbli sa erba’ snin ħabs u multa ekwivalenti għal £50,000. Fatturi aggravanti fi kwalunkwe prosekuzzjoni kriminali jinkludu atti ta’ vjolenza li jsiru quddiem nies oħra, jew jekk l-annimal ikun tal-attakkant.
“Fil-każ ta’ Kurt Zouma, il-filmat jidher li juri fatti aggravanti, u għalhekk jista’ jispiċċa f’inkwiet serju ħafna,” qal sors ieħor qrib il-każ. L-istilla Franċiż skuża ruħu fi stqarrija għall-attakk fuq il-qattus ‘Bengal’ (razza tal-leopardi) tiegħu, u qal li kien “dispjaċut ħafna, u insista li l-qtates tiegħu għalih huma “maħbubin u għeżież”.
Kelliem tal-Pulizija ta’ Essex qal: “Aħna konxji ta’ filmat li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali relatat ma’ inċident li jinvolvi qattus li l-membri tal-komunitajiet tagħna jistgħu jsibuha ta’ dwejjaq. “Riċentement ġejna konxji li dan l-inċident seta’ seħħ f’Essex u qed nikkollegaw mal-RSPCA u inkjesti urġenti għadhom għaddejjin.” Iżda politiċi Franċiżi wkoll ikkundannaw ukoll lil Zouma, li huwa mill-belt tal-Lvant ta’ Lyon, u talbu biex jitkeċċa mit-tim nazzjonali ta’ Franza.
Muriel Fusi, kelliem għall-partit Franċiż Annimali, qalet: “Ħafna nies fuq in-networks soċjali huma rrabjati bil-video. Ħafna nies isostnu li dan il-plejer tal-futbol ma jistax jibqa’ jilbes il-kuluri ta’ Franza”. U Marine Le Pen, il-mexxej tal-partit Rally Nazzjonali u kandidat presidenzjali, qalet: “Huwa tal-mistħija. Għadni naħseb li dawk li huma kapaċi ta ‘moħqrija mal-annimali huma kapaċi wkoll jużaw moħqrija kontra l-persuni “Il-vjolenza qatt mhi trivjali.”
West Ham United jimmultaw lil Zouma ġimgħtejn paga
Sadanittant anke l-klabb tiegħu ta’ West Ham United ma qagħdux lura biex jikkundannaw dan l-att u mmultaw lil Zouma ġimgħatejn paga. Il-paga tiegħu hija ta’ £125,000. Il-klabb mhux se jżomm il-£250,000 (€300,000) għalih imma se jgħaddihom lil għaqda tal-annimali RSPCA UK.
Minkejja dan il-manager ta’ West Ham, David Moyes, ġie kkritikat talli għażel lil Zouma għall-partita tal-Premiership kontra Watford nhar it-Tlieta – b’organizzazzjoni ta’ karità domestiċi tgħid li din ‘in-normalizzat l-imġieba mistkerha tiegħu’.
Il-player kien ibbujut kull darba li mess il-ballun mill-partitarji, l-aktar dawk tal-away team Watford, fil-London Stadium. Becky Thwaites, Kap tal-Affarijiet Pubbliċi fil-karità nazzjonali tal-annimali domestiċi Blue Cross, qalet: ‘Konna diżappuntati ħafna meta naraw lil West Ham jieħdu d-deċiżjoni li jilagħbu kontra Kurt Zouma.
“Fil-fehma tagħna din tinnormalizza l-imġieba miskina tiegħu u twassal il-messaġġ li huwa aċċettabbli li tittratta annimali domestiċi tal-familja b’dan il-mod.” Petizzjoni qed titlob lill-RSPCA tieħu azzjoni kontra l-internazzjonali Franċiż li bdiet it-Tlieta u diġà ġiet iffirmata minn eluf kbar ta’ persuni.
//= $special ?>