Lokali

Roberta Metsola tagħżel lil pajjiżna għall-ewwel żjara uffiċjali tagħha bħala President tal-PE

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola dalgħodu bdiet l-ewwel żjara uffiċjali tagħha f’din il-kariga fil-Gżejjer Maltin b’laqgħa mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton. Matulha hi enfasizzat l-impatt pożittiv li d-deċiżjonijiet u l-Liġijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Roberta Metsola qalet li hu ferm importanti għall-Parlament Ewropew li jilħaq lin-nies kollha li jinsabu fl-Istati Membri, bl-għan li l-Proġett Ewropew jilħaq lil kullħadd u għalhekk, se taħdem b’rispett assolut lejn id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

Aktar tard, hi attendiet għall-Pontifikal fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Pawl fil-Belt u anke żaret is-sit fil-Bidnija fejn kienet assassinata Daphne Caruana Galizia. F’laqgħa mal-Familja tal-ġurnalista, Roberta Metsola enfasizzat l-impenn tal-Parlament Ewropew li jassigura li ssir ġustizzja fil-konfront ta’ kull min kien involut fil-każ.

Roberta Metsola wegħdet li, matul il-kariga tagħha, se tagħmel minn kollox biex tippromwovi s-saltna tad-demokrazija fi ħdan il-Parlament u l-Unjoni Ewropea kollha.

Tags