Fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, il-Ġimgħa filgħodu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, u l-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit f’Ħal Lija, Antoinette Vella, poġġew kuruna ta’ fjuri fuq il-qabar ta’ Sir Ugo Mifsud, eks-Kap tal-Partit u l-iżgħar Prim Ministru Malti taħt l-Imperu Britanniku.
Preżenti ukoll kien hemm il-Viċi-Kap tal-Partit, Robert Arrigo, id-deputat, Beppe Fenech Adami, is-Sindki ta’ Ħal Lija u Ħal Balzan, Anthony Dalli u Angelo Micallef kif ukoll l-kunsillier, Donio Cini.
Sir Ugo twieled il-Belt Valletta fl-1889 u ġie elett Prim Ministru ta’ Malta fl-1924, fl-età ta’ 38 sena, f’isem l-Unione Popolare Maltese. U bl-għaqda tal-partit tiegħu mal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Nerik Mizzi sentejn wara, Sir Ugo mexxa l-Partit Nazzjonalista ma’ Nerik Mizzi.
Sir Ugo Mifsud miet propju 80 sena ilu fil-11 ta’ Frar 1942 f’Villa Francia wara li jumejn qabel ħassu ħażin waqt diskors imqanqal fil-Parlament dwar l-intenzjoni tal-Gvern Britanniku li jiddeporta bosta Maltin lejn l-Uganda.
//= $special ?>