Aktar kmieni llum fis-2pm, b’quddiesa praesente cadavere li saret fil-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun fis-2pm, ingħatat l-aħħar tislima lil Harry Zammit Cordina, bniedem ġentlom u dħuli ma’ kulħadd, li ħabb il-Ħamrun, ix-xandir u l-kultura u naturalment ukoll lil familtu. Huwa miet it-Tnejn, 7 ta’ Frar fl-età ta’ 87 sena.
Min jaf kemm qatta’ ħin fil-każin tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, li anki tatu l-aħħar tislima, preċiżament quddiem il-knisja fejn se jingħata l-aħħar tislima, u fejn għamel numru ta’ snin fil-Kumitat, inkluż bħala President.
Imħabba oħra tiegħu kien ix-xandir, u dak kollu marbut mie-għu. Mill-1967 sa ma rtira kien impjegat tal-Awtorità tax-Xandir. Fost dawk li ħadem magħhom hemm għal bosta snin, kien hemm l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Antoine Ellul, li inċidentalment ħalla din id-dinja madwar sena u xahar ilu u li hu u Harry kienu tampar xulxin, b’Antoine xi seba’ xhur biss iżgħar. Fost id-diversi karigi li Harry okkupa mal-Awtorità tax-Xandir, hemm dik ta’ Programme Editor, Segretarju tal-Bord tal-Awtorità, għal perjodu qasir bejn l-1974 u 1975 News Editor ta’ Radju Malta, u aktar lejn żminijietna, meta l-istazzjon Channel 12 kien f’idejn l-Awtorità, kien imexxih hu.
Harry kien midħla sew mil-lat tekniku fil-produzzjoni ta’ prog-rammi għat-televiżjoni, u fil-fatt kien anki mar kors f’dan ir-rigward mit-Thomson Foundation fi Glasgow, l-Iskozja.
Dan il-fatt sabu wkoll ħafna utli meta ’il quddiem kien jagħti daqqa t’id mhux żgħira lil martu Josephine fil-produzzjoni tal-programmi ‘Waltzing Matilda’ li għal bosta snin kien l-aqwa kuntatt għall-Maltin dwar dak li qed iseħħ fil-komunità Maltija fl-Awstralja. Mar ukoll magħha l-Awstralja kemm-il darba.
Il-koppja Zammit Cordina, li joqogħdu fi Triq Nuzzo, il-Ħamrun, bieb u għatba mal-Victor Tedesco Ground, kellhom żewġt itfal, Jacqueline u l-attur Henry Zammit Cordina, b’dan tal-aħħar ħa r-reċtar mingħand ommu filwaqt li għandu wkoll il-ħiliet tekniċi li wiret mingħand missieru. Harry għandu wkoll numru ta’ neputijiet.
Dan l-artiklu inkiteb mill-ġurnalist ta’ In-Nazzjon, Ray Miceli.
//= $special ?>