Lokali Saħħa

Iben il-Ministru Chris Fearne jingħata promotion

Julian Fearne, iben id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ingħata promozzjoni qabel iż-żmien, dan hekk kif diġà jinsab fuq il-lista tal-Gvern, u jieħu pakkett finanzjarju ta’ madwar €40,000 fis-sena. Ingħad ukoll li Julian Fearne kien ingaġġat mill-MMA l-Awtorità tal-Mediċina f’Malta sentejn biss wara li ggradwa, f’Marzu 2019, għall-kariga ta’ senior pharmacist.

Din l-informazzjoni nħarġet mis-sit The Shift fejn intqal li sorsi qrib l-MMA, qalu iben Chris Fearne ingħata promozzjoni qabel iż-żmien.

Uffiċjali għolja fi ħdan l-MMA qalu li għalkemm inħarġet sejħa għall-kariga għal Head of Medical Devices, lil dawk li kien beħsiebhom japplikaw qalulhom biex ma japplikawx għall-pożizzjoni. Huma komplew jgħidulhom li din il-pożizzjoni diġà ttieħdet minn iben il-Ministru tas-Saħħa.

Is-sorsi qalu li minkejja l-esperjenza limitata meta mqabbla ma’ uffiċjali oħra li jaħdmu fi ħdan l-MMA, Julian Fearne ġie promoss għal Kap tas-sessjoni tiegħu f’Jannar tal-2021, inqas minn sentejn wara li beda jaħdem fl-Awtorità.

Apparti li għandu din il-pożizzjoni huwa għandu numru ta’ benefiċċji, fosthom karozza u ħlasijiet tas-servizz tal-mobile u internet.