Lokali

Il-PL qed jitkisser minħabba numru ta’ “persuni idjoti” – Desmond Zammit Marmara

“Il-Partit Laburista, illum, qed jitkisser minħabba numru ta’ persuni idjoti”. Hekk saħaq l-eks kunsillier u millitant fil-Partit Laburista, Desmond Zammit Marmara f’artiklu fit-Times of Malta.

Zammit Marmara saħaq li l-esperjenza tiegħu twassalu għall-konklużjoni li ħafna Laburisti li sejħilhom “intellettwali” jew saru totalment diżgustati jew inkella huma stess saru parti minn moviment politiku li jpoġġi l-poter fuq kull ħaġa oħra. B’Zammit Marmara jgħid li dan jiġri għax jafu li se jgawdu bil-partit tagħhom fil-Gvern.

L-eks esponent tal-Labour stqarr li ħafna Laburisti li ma jaqblux ma’ dak li għaddej f’pajjiżna qed jagħżlu li jitkellmu biss wara bibien magħluqa u mhux b’mod apert għaliex “huwa ovvju li ħafna minnhom jibżgħu li jispiċċaw fil-kotba suwed ta’ dawk fil-poter.”

Fl-artiklu tat-Times, Desmond Zammit Marmara juża’ ħafna it-terminu ‘intelletwali’ fejn jispjega li bih qed jirreferi għal nies “li għandhom imħuħ u jużawhom.” Hu saħaq li hija ħasra li l-inqas nies inteliġenti u l-aktar nies mingħajr edukazzjoni huma dawk li jiddominaw fil-Partit Laburista.

Marmara jkompli jispjega u jiddeskrivi s-sitwazzjoni fil-Labour billi jistqarr li “in-nagħaġ bla moħħ huma akbar minn dawk li huma intelliġenti biżżejjed biex jużaw moħħhom”. U jinsisti li l-kriżi li qed taħkem il-Partit Laburista, qed tkompli toħroġ biċ-ċar il-qasma li teżisti.

Is-sitwazzjoni politka f’pajjiżna kienet diskussa wkoll waqt TVAM fejn l-Akkademiku u Lettur fl-Universita ta’ Malta, Mario Thomas Vassallo saħaq li hemm Laburisti li mhux kuntenti b’dak li qed jaraw. Waqt dan l-istess programm, Vassallo qajjem diversi punti nterresanti, fosthom dwar it-taxxa li l-Ministru Clyde Caruana u l-Gvern Laburista se jkun qed jiġbor wara l-Elezzjoni Ġenerali. Dan filwaqt li issemma’ wkoll il-bżonn li tingħata viżjoni ċara għal pajjiżna, u mhux nagħtu lil poplu affarijiet ‘short term’ indirizzati biss biex irrebħu l-voti.