Ilbieraħ, il-Pulizija mill-Environmental Protection Unit wettqu rondi fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa bl-iskop li titqajjem aktar kuxjenza favur l-ambjent. L-uffiċjali tal-Pulizija tkellmu ma’ diversi persuni li kienu fl-akwati, fejn spjegawlhom, mhux biss dwar il-liġijiet li wieħed għandu jħares, imma wkoll dwar l-importanza li l-post jinżamm fi stat nadif u sigur.
Minbarra ħsarat li allegatament saru bi skop ta’ vandaliżmu, il-Pulizija sabu numru ta’ aċċidenti seħħew meta tqabbdu nirien b’mod mhux sigur. Fil-fatt, l-uffiċjali ħadu azzjoni mill-ewwel fejn innutaw dan it-tip ta’ periklu, u b’hekk ġie assigurat li ma ssir ebda ħsara lill-ambjent imma wkoll li titħares is-saħħa tal-pubbliku.
Wieħed għandu jiftakar li l-qtugħ ta’ partijiet mis-siġar bl-iskop li jitqabdu nirien huwa illegali. Barra minn hekk li jsir barbecue f’post pubbliku huwa suġġett għal-liġijiet u permessi mill-Kunsill Lokali tal-post. Kien għalhekk li l-Pulizija ħarrku numru ta’ persuni b’rabta ma’ vandaliżmu u barbeques li kienu qed isiru bla permess fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Il-protezzjoni tal-ambjent hi fost l-ogħla prijorita` tal-Pulizija sabiex dan ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku kollu b’mod sigur.
//= $special ?>