Il-11 ta’ Frar huwa l-jum li fih jitfakkru s-servizzi tal-emerġenza marbuta propju man-numru wieħed wieħed tnejn.
Sabiex ikun imfakkar dan il-jum, numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija, tal-armata, il-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tal-ambulanzi organizzaw sensiela ta’ attivitajiet fejn waslu informazzjoni lil diversi studenti li jattendu l-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar. Dan sabiex it-tfal, sa minn età żgħiru jkunu jafu x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ emerġenza.
Il-112 jista’ jintuża meta persuna jkollha bzonn l-assistenza tal-Pulizija, servizzi mediċi, tal-protezzjoni ċivili jew l-armata. Fost dawk li jagħtu s-servizzi tagħhom hemm it-timijiet mediċi u l-ambulanzi, il-Pulizija tad-diversi taqsimijiet inkluż dawk tar-Rapid Intervention, kif ukoll ħaddiema tas-CPD.

Filfatt matul is-sena li għaddiet daħlu iktar minn 340,000 telefonata, madanakollu meta wieħed iħares bir-reqqa lejn l-istatistiċi tal-control room tal-Pulizija, kienu biss 83,000 it-telefonati li kienu meqjusa bħala talbiet vera ta’ emerġenza, bil-bqija, madwar 260,000 kienu meqjusa bħala telefonati irrelevanti jew abbużivi.
Huwa għalhekk li s-servizz tal-emerġenza jappellaw biex il-112 jintuża b’mod għaqli biex min verament ikollu bżonn, isib l-għajnuna aktar malajr.
Matul l-2021, 77% tat-telefonati fuq il-112 kienu marbuta ma’ emerġenzi mediċi, 11% kellhom bżonn l-intervent tal-Pulizija filwaqt li madwar 10% kellhom bżonn l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-ħin ta’ stennija biex tiġi mwieġba telefonata fuq il-linja 112 huwa dak ta’ 4 sekondi.. dan hekk kif ftit sekondi jistgħu jkunu kruċjali biex tkun salvata ħajja ta’ bniedem.
//= $special ?>