Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali, sellem il-memorja tal-eks Viċi Sindku Silvio Zammit illi miet fis-sigħat li għaddew.
Hu kellu 57 sena, u kien President Onorarju kif ukoll benefattur tas-Soċjetà Mużikali San Girgor ta’ Tas-Sliema.
Silvio Zammit kien imprenditur magħruf sew f’pajjiżna – għalkemm ismu kien iddomina l-aktar l-aħbarijiet fil-perijodu meta seħħet ir-riżenja ta’ John Dalli mill-Kummissjoni Ewropea.
Sentejn ilu, il-Qorti kostituzzjonali kienet ordnat li tingħalaq il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Silvio Zammit, li kien assistent tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, wara li kkonkludiet li d-drittijiet tiegħu ġew miksura bil-mod kif tmexxa l-proċess.
Bl-għeluq tal-kumpilazzjoni, ma setax jinfetaħ proċess kontra Zammit, li kien akkużat li staqsa għal €60 miljun biex tinbidel il-liġi Ewropea fuq is-snus, tip ta’ tabakk li hu legali biss fl-Iżvezja.
Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, kienet ikkundanat l-aġir tal-eks Avukat Ġenerali Peter Grech, li naqas milli jidher quddiem il-qorti 16-il darba.
Fil-Qorti bħalissa xorta għadhom għaddejin proċeduri separati b’rabta ma’ dan il-każ tal-isnus.
//= $special ?>