“Farsa… il-poplu se jbati jekk il-PAC jispiċċa jitlef il-kredibilità tiegħu… u l-azzjonijiet ta’ Konrad Mizzi qed iwasslu għal dan. Jekk m’hemm xejn x’taħbi, aqbad u wieġeb.” – Hija din id-dikjarazzjoni li saret fl-editorjal tal-Malta Independent wara dak li sehh fil-PAC aktar kmieni din il-ġimgħa. Dikjarazzjoni li tasal wara li Konrad Mizzi reġa’ spiċċa jagħmel l-għajjat u l-istorbju, bil-konsegwenza li nħanaq u anke baqa’ ma wieġeb għall-ebda domanda tal-Kumitat Parlamentari.
Dan l-aħħar aġir tal-eks Deputat Mexxej tal-Labour jasal wara numru ta’ seduti fejn dejjem sab skuża biex jibqa jaħrab milli jwieġeb x’għamel bi flus il-poplu u dwar il-ħbiberiji tiegħu fid-deal tal-Electrogas.
L-editur tal-Independent qal li l-PAC huwa wieħed mill-aktar korpi Parlamentari serji iżda, permezz ta’ dawn is-sessjonijiet qed jitwassal messaġġ ħażin li huwa l-kontra tas-serjeta’.
Dan il-kumitat qed jeżamina rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-għoti tat-tender tal-power station lill-Electrogas li fiċ-ċentru tiegħu kien hemm il-Ministru ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi li qed jirnexxilu jevita li jwieġeb diversi mistoqsijiet.
Mizzi ilu jixhed għal aktar minn xahrejn fi proċess li kien immarkat ukoll minn sigħat twal ta’ ‘oral prsentation’.
Bl-editorjal tal-Independent ifakkar ukoll li l-Membri Parlamentari tal-gvern fil-kumitat, mhux qed jagħmlu l-istess xogħol li qed isir mill-membri tal-Partit Nazzjonalista u appella lid-Deputati tal-Labour biex jaħdmu b’mod attiv, biex bħala rappreżentanti tal-poplu, jaslu għall-verità dwar il-kuntratt tal-Electrogas.
//= $special ?>