Lokali Qorti

Ma nstabitx droga fuqu fid-depot iżda nstabet wara fil-ħabs wara li ħbiha fil-parti intima tiegħu

Raġel ta’ 43 sena minn Ħaż-Żabbar u li huwa magħruf sew mal-Pulizija rnexxielu jiskappa tfittxija li saret fuqu fid-depot meta din id-droga kokaina fil-fatt kienet fuq il-persuna tiegħu. Kien instab ammont f’borża u ammont ieħor f’ingwanta tal-plastik.

Din id-droga kienet instabet fuq Francois Zammit fil-ħabs waqt tfittxija li saret fuqu fejn huwa stess ammetta li kien rnexxielu jqarraq bil-Pulizija, u dan wara li ħeba d-droga fil-parti intima tiegħu. Il-każ seħħ fil-15 ta’ Lulju 2019, bl-istess Zammit jgħid li xtara d-droga ġimgħa qabel ma ġie arrestat għall-prezz ta’ €500.

Huwa kien tressaq il-Qorti fuq każ ieħor wara interogazzjoni fid-depot u ma kienx ingħata l-libertà proviżorja u għalhekk ittieħed il-ħabs fejn instabet fuq is-sustanza. Zammit ġie kundannat xahar ħabs u mmultat €500 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Doreen Clarke li waqt li kien qed jiġi eskortat lejn il-ħabs mid-Depot instabet d-droga fuqu u li pprova jqarraq bil-Pulizija biex finalment spiċċa biex daħħal id-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Huwa dejjem qal li d-droga li kellu kien xtraha għal użu personali tiegħu.

Fil-kors tal-proċeduri ġie nominat Dr Godwin Sammut bħala espert biex janaliżża s-sustanza misjuba. Dan qal li t-trab abjad, li kellu piz ta’ 6.9 grammi kien kokaina (cocaine hydrochloride) b’purità ta’ 30 fil-mija u l-blokka li kienet ‘crack cocaine’ u kellha piz ta’ 0.61 grammi u purità ta’ 32 fil-mija.

Adrian Spiteri u Horace Seychell, kuntistabbli tal-Pulizija spjegaw li kienu skortaw lill-imputat mill-Qorti ghall-Facilità Korrettiva ta’ Kordin. Kif waslu hemm u saret tfixxija fuq l-imputat u nstabet s-sustanza imsemmija.  L-imputat rega ittiehed id-depot tal-pulizija fejn intiżnet is-sustanza. Wara Zammit reġa’ ittieħed il-ħabs.

Il-gwardjan tal-ħabs Romina Abdilla qalet li fil-15 ta’ Lulju 2019 hija għamlet ‘body scan’ lill-imputat u li meta kienet qed tispjega lilu kif għandu joqgħod fuq l-iscanner innutat li kellu xi ħaġa f’idejh. Kif resqet lejh, l-imputat taha dan “l-oġġett” li kien qiesu ġebla bajda. Saret l-iscan u wara x-xhud kompliet bit-tfixxija f’l-affarijiet li kien ħa miegħu, u bejn il-karti li kellu sabet borża bi trab abjad.

Hija infurmat lis-superjuri tagħha u s-sustanza misjuba ġiet preservata f’’evidence bag’. Hija kkonfermat li scan isir gewwa il-konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li jidħlu mill-‘Main Gate’.  Il-gwardjan Marvin Cutajar spjega li dak inhar kien ġie msejjaħ biex jassisti lil Abdilla waqt li ssir scan ta’l-imputat li kien għadu kif iddaħħal il-ħabs. Saret tfixxija ukoll f’mazz karti ta’l-imputat  u nstabet borża bi trab abjad.    

Mhux novizz għall-proċeduri tal-Qorti

Il-Qorti qalet li kif tixhed il-kondotta ta’ Zammit huwa mhux xi wieħed novizz għall-proċeduri penali, u żgur li seta’ jirrealiżża li kienet teżisti l-possibilità li wara li jitressaq il-Qorti taħt arrest, ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest u li għalhekk seta’ jispiċċa l-ħabs.

Meta mbagħad din il-possibilità issarrfet f’realtà Zammit għamel għażla, li jdaħħal id-droga il-ħabs. Fi kliemu stess l-imputat deherlu li kellu għażla, jew li jarmi d-droga jew li jeħodha miegħu l-ħabs u rinfaċċjat b’din l-għażla huwa għażel li jeħodha miegħu.

Fil-fatt fil-kors ta’l-istqarrija meta gie mistoqsi għalfejn kien daħħal id-droga miegħu il-ħabs huwa irrisponda billi qal: “m’armejthiex d-droga, ma stajtx narmiha ma’l-art.”

Fl-istqarrija l-imputat jgħid ukoll li oriġinarjament d-droga kienet fil-parti intima tiegħu u kien għalhekk li ma nstabitx meta saret it-tfixxija fid-depot. Sakemm ittieħed il-ħabs l-imputat neħħa l-kokaina minn fejn kienet (fil-parti intima tieghu) u żamm il-blokka f’idejh u l-borża l-bajda qalb il-karti li kellu miegħu.

Meta kienet se ssirlu l-iscan l-imputat baqa’ jżomm il-blokka f’idejh u l-borża, moħbijja mal-karti, inzammet minn kuntistabbli. Fil-fehma tal-Qorti huwa car li l-imputat, kien jaf li kien qed idaħħal sustanza projbita fil-ħabs, għamel hekk biex meta ssirlu l-iscan ma tinstabx id-droga. Il-Qorti ordnat li d-droga tiġi distrutta fi żmien 15-il ġurnata.

Sadanittant f’Ottubru tal-istess sena Zammit kien reġa’ tressaq il-Qorti akkużat li ttraffika il-kokaina u l-eroina, kif ukoll li kien fil-pussess taż-żewġ sustanzi illeċiti f’ċirkostanzi li indikaw li ma kinux għall-użu personali tiegħu. Huwa kien ġie mixli wkoll li ġarr arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-pulizija biex jagħmel dan u li kiser żewġ ordnijiet ta’ pleġġ.