Basketball Sport

Mellieħa Libertas u Depiro jkomplu jersqu lejn il-play-offs

Colin Schembri

Depiro 83

Starlites Naxxar 87

(24-26)(24-17)(21-18)(14-26)

Depiro: S. Galea 7, A. Attard 8, N. Grech 9, S. Vella, TJ Atwood 30, M. Mallia 8, A. Sullivan 17, M. Baldacchino, M. Debattista 2, L. Vella, L. Attard.

Starlites: A. Felice Pace 26, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 7, M. Fabri 3, L. Riolo, M. Scerri 13, J. Bates 13, L. Farrugia 4, K. Xuereb, J. Haynes 6, M. Thomas 15.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Depiro u Starlites offrew partita mill-isbaħ fejn iż-żewġ timijiet kienu viċin xulxin speċjalment lejn it-tmiem bir-riżultat jibqa’ inċert sal-aħħar. Depiro kienu mingħajr Bastian Nel u Miguel Brincat u ntroduċew għall-ewwel darba fuq il-bank lil Luke Attard. Starlites kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom għalkemm Kurt Xuereb ma ħax sehem fil-partita bi prewkazzjoni għall-finali tal-MBA Shield. Wara li Alec Felice Pace poġġa lil Starlites fuq quddiem, Depiro kellhom it-trippli minn Miguel Mallia u Sean Galea biex marru minn fuq. Starlites ukoll kellhom trippli minn Jamiah Haynes u l-aħwa Felice Pace f’run ta 12-0 li rathom jiftħu vantaġġ ta’ 8 punti 19-11. Iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin b’Myles Thomas jagħmel trippla għal Starlites qabel ma Depiro kellhom seba’ punti mingħajr risposta minn TJ Atwood u Avery Sullivan biex naqqsu d-distakk għal basket 24-26. Fit-tieni perjdodu, trippla ta’ Andy Attard poġġiethom fuq quddiem u huma żammew vantaġġ għal xi ħin. Starlites kellhom tlett trippli wara xulxin, tnejn minn Jacob Bates u oħra ta’ Miguel Fabri però Depiro kellhom l-istess ħaġa minn idejn Atwood u Nicholas Grech biex sa’ tmiem it-taqsima huma kienu 5 minn fuq 48-43.

Fit-tielet sessjoni, A. Felice Pace u Bates komplew bit-three pointers tagħhom li ressqu lil Starlites punt ‘l bogħod. Depiro rkupraw u għamlu run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Grech biex reġgħu fetħu distakk ta’ 8 punti 61-53. Hawn Starlites ġew lura bil-punti ta’ Felice Pace u Scerri però ma rnexxielhom jaqilbu r-riżultat hekk kif Depiro komplew bil-punti minn Galea, Atwood u trippla minn Grech ħallewhom 69-61 fuq quddiem fi tmiem it-taqsima. Fl-aħħar sessjoni, Starlites ħasdu lill-avversarji bi ftuħ qawwi li rahom jagħmlu run ta’ 11-2 li għalquha bi trippla ta’ Thomas li poġġiethom fuq quddiem 72-71. Depiro rkupraw wara time-out ta’ James Bamfield u bi trippla minn Attard reġgħu marru minn fuq. Però Felice Pace kompla bil-wirja mill-aqwa tiegħhu u 5 punti konsekuttivi tiegħu taw il-vantaġġ lil Starlites. Il-vantaġġ reġa’ nbidel għal darbtejn oħra lejn tmiem il-partita b’dak finali jkun basket ta’ Haynes wara li Felice Pace seraq il-ballun lil Atwood bi ftit sekondi għal tmiem il-partita biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 87-83.

Hibernians 113

Bupa Luxol 104

(29-27)(16-19)(20-16)(26-29)(22-13)

Hibs: M. Vires 22, N. Cassar, M. Vucinic, L. Farrugia 6, K. Dimech 19, A. Axiaq 5, R. Aquilina, M. Attard 5, C. Soderholm 35, I. Demcesen 13, P. Shoults 8.

Luxol: J. Cefai 8, P. Attard 11, JP Schembri 11, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 26, S. Opojevlic, M. Matijevic, S. Cappello 14, W. Claiborne 34.

Referees: Bernard Vassallo, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu.

Fpartita oħra stupenda li tagħmel reklam tajjeb għall-basketball lokali, Hibernians għelbu lil BUPA Luxol 113-104 wara l-ħin barrani biex kisbu t-tmien rebħa tagħhom fil-kampjonat. Partita fejn l-ebda team ma rnexxielhu jiftaħ xi vantaġġ sostanzzjali bl-ikbar distakk ikun dak ta’ 8 punti fit-tielet sessjoni. Hibs kienu mingħajr David Bugeja, ndispost, fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Naz Buhagiar u tilfu lil Marco Matijevic wara biss 4 minuti b’injury u lejn it-tmiem ankè l-Amerikan Cannan Coffey weġġa għalkemm baqa’ jilgħab għal xi ħin hekk kif Luxol tilfu lil William Claiborne bil-ħames foul. Kienu Hibs li kellhom l-aħjar bidu bi trippla ta’ Christian Soderholm flimkien ma’ Mason Vires bil-Luxol iwieġbu permezz ta’ Jean Paul Schembri u trippla ta’ Paul Attard fost l-oħrajn. Soderholm kompla jħalli lil Hibs fuq quddiem però Claiborne daħal iktar fil-partita speċjalment wara l-fouls li sofra u l-freethrows li għamel flimkien mal-punti ta’ Coffey. Hibs kellhom żewġ three pointers minn Keith Dimech u Matthew Attard u minkejja l-punti ta’ Coffey, temmew l-ewwel sessjoni 29-27 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Hibs kabbru l-vantaġġ għal sitt punti wara baskets ta’ Ivan Demcesen però run ta’ 7-0 mill-vjola poġġiethom għall-ewwel darba minn fuq. Hibs wieġbu permezz ta’ Peter Shoults u Vires flimkien ma’ trippla ta’ Soderholm però Coffey wkoll kellhu trippla għal Luxol flimkien ma’ Stefan Cappello biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 46-45.

Wara żewġ sessjonijiet li offrew 91 punt, il-partita kompliet tkun kumbattuta matul it-tielet perjodu li ra lil Luxol jiftħu vantaġġ massimu ta’ 8 punti 57-49 bil-baksets ta’ Schembri u Claiborne. Hibs ġew lura permezz ta’ Soderholm, Demcesen u Vires li bejniethom għamlu run ta’ 16-3 li tathom vantaġġ fi tmiem it-taqsima 65-62. Fir-raba perjodu Hibs żammew il-vantaġġ minkejja żewġ trippli oħra minn Attard għal Luxol li però kellhom run ta’ 11-2 aktar ‘l quddiem li poġġiethom 5 minn fuq 84-79. Xejn ma deher mitmum hekk kif Hibs ġew lura bi trippla ta’ Luke Farrugia u l-punti ta’ Demcesen u Shoults u għamlu l-iskor indaqs. Luxol kellhom ċans ieħor biex jagħlqu l-logħba meta trippla ta’ Cappello u basket ta’ Claiborne poġġewhom 5 minn fuq iżda l-istess Amerikan falla l-free-throws u Dimech kien l-eroj tal-Pawlisti, l-ewwel bi trippla imbagħad b’basket eżatt mal-horn finali li ppareġja l-partita fuq skor ta’ 91-91. Il-partita b’hekk marret għall-ħin barrani fejn Hibs irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 4 punti 102-98 wara trippla ta’ Dimech. Luxol reġgħu rkupraw però tilfu liż-żewġ Amerikani u kien hemm il-punti ta’ Hibs minn Shoults, Vires u Demcesen li finalment tawhom ir-rebħa fuq skor finali ta’ 113-104.

Mellieħa Libertas 101

Gżira Athleta 82

(17-19)(30-12)(21-30)(33-21)

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 2, N. Vasovic 14, I. Bonett 2, C. Briffa, N. Bukva 8, M. Seldon 34, M. Azzopardi 2, CJ Cordina 8, N. Sultana, A. Wrighten 31.

Gżira Athleta: Z. Hudson 22, F. Mifsud Bonnici 16, L. Stefanovic 7, N. Xuereb 17, M. Gouder 17, I. Xuereb, S. Vincic, R. Abela, B. Zammit 3.

Referees: Daniela Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic.

Mellieħa kisbu rebħa mportanti kontra Gżira Athleta biex saħħew posthom ma’ ta’ fuq fil-ġlieda għal post fil-playoffs u issa Athleta jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli hekk tilfu wkoll lil Shaun Montague b’injury f’mument kruċjali tal-istaġun fil-waqt li Mellieħa kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Mellieħa kellhom mument mill-aqwa fit-tieni sessjoni u għalkemm sofrew ir-rimonta tal-Athleta fit-tielet sessjoni, dejjem żammew kontroll fuq ir-riżultat. Il-partita kellha bidu bilanċjat għalkemm kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Matthew Gouder, Francesco Mifsud Bonnici u Zachary Hudson. Mellieħa wieġbu permezz ta’ Austin Wrighten primarjment u sa’ tmiem l-ewwel sessjoni naqqsu d-distakk għal basket 17-19. Fit-tieni sessjoni, Athleta żammew il-vantaġġ fl-ewwel minuti però mbagħad Mellieħa kellhom run qawwija ta’ 16-0 bi three pointers minn CJ Cordina u Nenad Bukva u marru 40-26 minn fuq. Athleta waqqfulhom ir-run bi trippl;a ta’ Mifsud Bonnici però Mellieħa għamlu seba’ punti oħra minn Wrighten u Mirco Azzopardi u daħlu jistrieħu 47-31 minn fuq.

Wara l-intervall, iż-żewġ timjiet bdew jirrispondu lil xulxin biex il-vantaġġ tal-Mellieħa baqa’ ta’ 16 -il punt 55-39. Hawn Athleta għamlu rimonta mill-isbaħ permezz ta’ diversi punti minn Mifsud Bonnici u Hudson u għamlu run ta’ 16-4 li rathom inaqqsu d-distakk għal erba’ punti 55-59. Wara time-out minn Adrian Mifsud, Mellieħa reġgħu kabbru l-vantaġġ bil-punti ta Malik Seldon però Athleta baqgħu viċin b’żewġ trippli ta’ Natan Xuereb għal skor ta’ 68-61. Mellieħa fetħu l-aħħar taqsima b’run qasira ta’ 7-2 bi trippla ta’ Wrighten u kabbru l-vantaġġ għal 12 -il punt 75-63. Lejn nofs is-sessjoni kien hemm player fuq kull naħa li ġie mkeċċi mir-referees, Bukva għal Mellieħa u Gouder għall-Athleta bil-Mellieħa 10 minn fuq 83-73. Run oħra ta’ 8-2 minn Mellieħa kompliet tissudalhom il-vantaġġ u minkejja trippla oħra ta’ Xuereb, basket ta’ Vasovic għaqqdilhom il-mitt punt hekk kif huma ħarġu rebbieħa 101-82.