Lokali

“Ramewna wara għexieren ta’ snin ta’ ħidma professjonali u ddedikata” – Eks ħaddiema tal-AirMalta

"Ma kelniex għażla oħra. Jew hekk, jew barra"

Mijiet ta’ ħaddiema ma kellhomx għażla oħra għajr li jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom biex jingħataw impjieg ieħor wara li ġew skartati mill-Gvern.

Persuni li tkellmu ma’ netnews.com.mt qalulna li ħafna minnhom għamlu ħin twil weqfin quddiem l-l li fuqha kienu qed jiġabru l-applikazzjonijiet. Huma qalulna li għal tul ta’ ħin baqgħu imbikkma quddiem l-istand, bl-applikazzjoni f’idhom, imħassba jekk dak li kienu se jagħmlu kinitx id-deċiżjoni t-tajba.

Ħafna ma jafux x’destin hemm jistennihom wara li applikaw

“Ili nibki l-ijlieli. Ma nistax norqod.” Hekk qalilna wieħed mill-ħaddiema li kien ilu kważi tletin sena jaħdem b’dedikazzjoni. “Dawn remewna wara għexieren ta’ snin ta’ ħidma professjonali. Lanqas biss ikkalkulawna. Hawn mijiet minna li ilna naħdmu hawn 10, 20 , 30 sena, u flok gratitudni lejn id-dedikazzjoni li bih ħdima, poġġewna f’kantuniera. Jew hekk jew barra. Aħna konna dawk li ddedikajna ħajjitna għal-linja tal-ajru tagħna, ħdimna ħafna, ħinijiet twal, bi professjonaliżmu, Sibtijiet, Ħdud u festi, u jirringrazzjawna b’hekk”.

Dawn il-ħaddiema spjegawlna li apparti, fl-aħħar jiem kien hemm eżodu ta’ ħaddiema professjonali li spiċċaw irriżenjaw mill-AirMalta, fosthom inġiniera, ħaddiema ta’ Skyparks u oħrajn.

Jidher li wara li fetaħ l-iskema biex ħaddiema tal-AirMalta jingħataw impjieg differenti, il-Gvern induna li kien se jkollu l-prolblemi u fl-aħħar jiem kellu jestendi ż-żmien li fihom jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Issa ħafna minn dawk li applikaw jinsabu mħassba dwar fejn se jispiċċaw jaħdmu issa li x-xogħol li tant kienu jħobbu itteħdilhom.