Fil-11 ta’ Frar, f’Ruma ġiet iċċelebrata s-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl
Il-Quddiesa kienet presjeduta minn Mons. Maximilian Grech fil-Knisja ta’ Santa Marija in Traspontina, Via della Conciliazione. Fl-omelija tiegħu Mons. Grech qal li r-rakkont tan-Nawfraġju ta’ San Pawl jurina ħafna dettalji interessanti iżda San Luqa ried jgħidilna li permezz tad-deskrizzjoni tal-vjaġġ, aħna nifmhu t-tifsira tiegħu għalina.
Żied jgħid li aħna wkoll ninsabu f’tempesta li fiha nsibu quddiemna dak stess li ġara fuq il-ġifen. San Pawl qam f’nofs dawk in-nies kollha u kellimhom bil-kliem tal-Vanġelu, ħeġġiġhom jibqgħu magħqudin u ċċelebralhom “l-Ewkaristija” li tathom qawwa, flimkien mal-ikel li qallhom biex jieklu, sakemm waslu fuq l-art ta’ Malta. Hu qal li sabu n-nies tal-gżira li laqgħuhom b’imħabba kbira.
Preżenti kien hemm l-Ambaxxatur ta’ Malta, Carmel Vassallo u s-Sinjura tiegħu flimkien mal-istaff tal-Ambaxxata, madwar 50 bejn ċittadini Maltin u barranin u 15-il saċerdot li joffru s-servizz tagħhom lill-parroċċi ta’ Ruma, il-Vatikan u Reliġjużi.
//= $special ?>