Lokali

Il-Gvern jikkonferma li qed jisirqek b’mod maħsub

Tasal il-konferma illi l-Gvern tal-Labour qed jisraq lil familji Maltin u Għawdxin anke mill-Income Tax. Dan hekk kif mill-2016 hemm probabbiltà kbira li l-Gvern kien qed jieħu minn but il-poplu sa €500 żejda f’taxxa.

Mistoqsi mis-sit Lovin Malta, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ammetta li teżisti diskrepanza bejn l-ammont li l-ħaddiem Malti qed iħallas f’income tax…meta jaqbeż ċertu dħul….u r-rata uffiċjali ta’ kemm suppost iħallas.

Dan hekk kif ġie rrapportat li dawk li jdaħħlu bejn €19,500 u €60,000 fis-sena suppost jiġu ntaxxati b’rata ta’ 25%. Madanakollu, b’sistema mdaħħla mil-Labour fl-2016 …il-ħaddiema spiċċaw qed jiġu ntaxxati aktar.

Lura fl-2017, jiġifieri sena wara li bdiet tinħadem is-sistema, l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Parlamentari Robert Arrigo kien ġibed l-attenzjoni li diversi ħaddiema kienu qed jinsterqu mill-income tax….u insista li l-Gvern kellu jirritorna l-flus lill-poplu; eluf li kienu tal-ħaddiema bi dritt. Madanakollu kelliema għal Ministeru tal-Finanzi kienu ċaħdu dan kollu.

Dan ifisser li mhux biss il-Gvern ta’ Robert Abela qed iberbaq il-miljuni f’deals deskritti bħala diżgustanti…u jisraq sfaċċatament mit-taxxi tal-poplu…iżda qed jibqa’ jwebbes rasu li ma jammettix żbalji tiegħu stess – kif mhux jammetti lanqas is-serq ta’ miljuni mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Dawn huma l-kummenti tal-whip Laburista Glenn Bedingfield.

Fil-fatt, wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela ikkonferma b’mod ċar li l-poplu mhux se jkun qed jingħata l-flus misruqa lura mill-kontijiet tad-dawl, hu stess insista illi ma jistax jifhem għalfejn qed jingħad li ċ-ċittadini insterqu.

Il-verita’ hi…li filwaqt li l-Labour jippoppa bil-billboards ikkuluriti, il-Gvern qed jisraq lill-ħaddiema u ma jridx irodd lura il-flus li huma tal-familji bi dritt. U dan qed jiġri mhux biss bis-serq fil-kontijiet tad-dawl…iżda issa anke eluf li insterqu mill-income tax li jħallsu l-ħaddiema.