Lokali

IL-KRIŻI TIKBER: Joseph Muscat jimplika b’mod ċar li Robert Abela sab is-sodda mifruxa

Muscat jgħid li Robert Abela hu kundizzjonat minn Facebook

It-tensjoni bejn Joseph Muscat u l-mexxej preżenti Robert Abela qed tkompli tikber – u dik li xi darba kellha tkun il-kontinwità qed tinbidel f’waħda mill-akbar qasmiet li kellu l-Labour fl-aħħar snin.

Muscat fl-aħħar ġimgħat reġa’ tkellem fil-pubbliku darbtejn… u issa ddeċieda li jitkellem mas-sit LovinMalta. L-eks Prim Ministru qal li hu kien baqa’ sieket għal sentejn sħaħ biex jagħti l-ispazju lil Robert Abela. Iżda issa ma kienx se jibqa’ sieket aktar.

Joseph Muscat qal li meta tkellem dan l-aħħar… il-messaġġ wasal għand min kellu jasal. Iżda mistqosi jekk kienx qed jirreferi għall-Prim Ministru, hu qal li min kellu jifhem fehem.

L-eks Prim Ministru Laburista qal li hu għadu jkellem lil ħafna fi ħdan il-labour, u li jżomm kuntatt regolari mal-Ministri kważi kollha, iżda mbagħad Abela jkellmu biss meta jkollu xi mistoqsjiet dwar dak li seħħ meta hu kien fit-tmexxija tal-Partit.

Joseph Muscat reġa’ rrefera għall-fatt li mhux kulħadd jifhem u japprezza x-xogħol li sar biex inbena l-moviment… u implika b’mod ċar li l-klikka ta’ Abela sabu s-sodda mifruxa.

Din kienet it-tieni darba li Muscat attakka lil Abela b’mod mhux daqstant sottili. Permezz ta’ Facebook video li kien għamel ftit tal-ġimgħat ilu hu kien wissa lil ma kien se jħalli lil ħadd ikisser il-moviment li kien bena hu.

Biex ikun aktar sfaċċat, Muscat faħħar lil dak li ħafna jqisu bħala l-akbar sfidant ta’ Abela, Chris Fearne, u fl-istess nifs implika li Abela kien dgħajjef fil-mod kif mexxa fl-aħħar xhur waqt il-pandemija.