Lokali

“Is-silenzju hu tradiment” – protesta kontra l-proġett tal-marina ta’ Marsaskala

“Is-silenzju hu tradiment”

Kien dan il-messaġġ waħdieni waqt protesta kontra l-proposta tal-marina f’Marsaskala li saret is-Sibt filgħodu minn numru ta’ residenti Skalini.

Jidher li lura f’Jannar kienet saret laqgħa bejn il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn, Transport Malta u l-Ministru Ian Borg, bil-Ministru talab lill-Kunsill Lokali stess biex jagħti l-pożizzjoni finali tiegħu… bil-Kunsill wera li hu kompletament kontra dan l-iżvilupp li kapaċi jeqred il-kwalità ta’ ħajja u l-aċċess tal-pubbliku.

Dwar dan Net News tkellem mal-Kunsillier John Baptist Camilleri fejn spjegalna kif minkejja li r-residenti jum wara l-ieħor qed ikomplu jsemmgħu leħinhom dwar il-marina, l-Gvern Laburista kontinwament qed jinjorahom.

Dawk preżenti saħqu kif il-bajja ta’ Marsaskala tagħtihom il-ftit nifs.

U b’hekk, permezz tal-marina se jispiċċaw jitilfu l-aċċess għall-għawm, għal passiġġata max-xatt, u se jibdew jesperjenzaw tniġġis fl-arja u fil-baħar.

Intant, f’post fuq Facebook, il-Kap tal-PN, Bernard Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista se jneħħi mill-ewwel il-pjanijiet ta’ marina f’din iż-żona. Kien għalhekk li ħeġġeġ lill-Gvern biex jisma’ lir-residenti u jsib modi oħra kif jinvesti f’Marsaskala.

Ritratti: Martin Agius