Futbol Sport

Man City iġibu fix-xejn lil Norwich

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Ingliż ta’ Manchester City, Raheem Sterling, skorja hat-trick għaċ-Champions Ingliżi f’rebħa kbira (4-0) fuq Norwich City f’Carrow Road biex b’hekk huma żiedu l-vantaġġ f’ras-il klassifika għal 12-il punt fuq Liverpool. Intant, ir-Reds ta’ Jurgen Klopp – li lagħbu żewġ logħbiet anqas mis-Citizens– qed jittamaw li jnaqqru ftit mid-distakk meta llum wara nofsinar jilgħabu barra minn darhom kontra Burnley.
L-ewwel gowl ta’ Sterling wasal wara nofs-siegħa meta hu sab ir-rokna tax-xibka b’xutt bid-dawwra. Intant, l-attakkant sieħbu Phil Foden irdoppja ftit wara l-mistrieħ – b’dan il-gowl prattikament jagħlaq il-logħba li fiha City urew dominju assolut u bl-uniku reazzjoni ta’ Norwich tkun id-daqqa ta’ ras ta’ Grant Hanley li ħabtet ma’ sieq il-lasta.
Sterling – il-plejer indiskuttibbli tal-logħba – skorja t-tieni gowl tiegħu ( u t-tielet għal City) mas-70 minuta b’daqqa ta’ ras mil;-viċin u bl-istess plejer jaċċerta mill-hat-trick fid-90 minuta, meta l-gowlkiper Angus Gunn salvalu penalty u bi Sterling ma jkollu l-ebda diffikultà biex isammar ġewwa mir-rebound. Is-Citizens ta’ Pep Guardiola issa huma bla telfa fil-league minn Ottubru waqt li l-Canaries għadhom f’periklu serju li jitilfu posthom fil-Premier Ingliż meta għadhom it-tielet mill-aħħar fil-klassifika.

Manchester United mill-ġdid fallew milli jieħdu punti massimi, din id-darba ma’ Southampton, bil-ġlieda tar-Red Devils biex jispiċċaw fit-Top Four tal-Premier League jieħdu daqqa ta’ ħarta oħra f’Old Trafford. Din kienet it-tielet logħba konsekuttiva fejn United spiċċaw fi dro ta’ 1-1, wara li kienu eliminati mill-FA Cup minn Middlesbrough bil-penalties (1-1 wara l-ħin barrani) u wara d-dro diżappuntanti ta’ jiem ilu ma’ Burnley f’Turf Moor. Ir-Red Devils urew l-aħjar ideat fl-ewwel taqsima fejn adottaw il-‘pressing game’ li jrid il-manager Ralf Rangnick — u b’Marcos Rashford jgħaddi tajjeb mal-linja qabel għadda ballun fil-baxx għal Jadon SANCHO (21) li ma żbaljax mill-viċin. Madankollu, United ma setgħux jagħlqu l-logħba minkejja li baqgħu jippressaw il-lasta ta’ Fraser Forster u kmieni fit-tieni taqsima, is-Saints kisbu d-dro meta Stuart Armstrong għadda ballun tajjeb lil Che ADAMS (48) li sab ir-rokna tax-xibka minn angolu diffiċli – bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa ġewwa. Il-gowl ta ħajja ġdida lis-Saints li marru qrib it-tieni gowl b’xutt qawwi minn Armando Broja li produċa save stupend tal-gowlkiper David de Gea — u b’Armstrong, ftit wara, jispara barra minn pożizzjoni ideali. United ukoll kellhom iċ-ċansijiet u lejn l-aħħar ħinijiet, Forster kellu jsalva b’saqajh fuq ix-xutt fil-baxx ta’ Harry Maguire u wara li l-captain ta’ United kien indirizza ballun perikoluż bir-ras lejn il-lasta.

Brentford u Crystal Palace spiċċaw fi dro, 0-0, fil-Brentford Community Stadium – bil-Bees ta’ Thomas Frank jaċċertaw mill-ewwel punt wara ħames telfiet konsekuttivi fil-Premier League. Kienu Brentford li marru l-aktar qrib fl-ewwel taqsima meta Guaita, ċaħad lil Bryan Mbeumo wara li l-attakkant tal-Bees spiċċa kważi wiċċ-imb-wiċċ mal-gowlkiper ta’ Palace. Fit-tieni taqsima, Guaita wettaq save tajjeb ieħor fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Jansson, iżda kollox ma kollox, kienu ftit l-azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti tul konfront nieqes sew mill-urġenza u l-kwalità.

Everton irritornaw għar-rebħ, 3-0, fuq Leeds United f’Goodison Park, bit-Toffees itemmu sekwenza negattiva ta’ sitt logħbiet konsekuttivi mingħajr rebħa fil-kampjonat. Din kienet anki l-ewwel rebħa fil-league għal Everton taħt il-manager ġdid, Frank Lampard, bit-Toffees, issa jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq iz-zona l-ħamra tal-klassifika. L-ewwel gowl ta’ Everton wasal wara biss għaxar minuti meta d-difensur Seamus COLEMAN xeħet ġewwa minn rebound fuq il-kross a’ Donny van de Beek, b’Michael KEANE ( 23) jirdoppja bir-ras fuq indeċiżjoni tad-difiża. Leeds ma kellhom l-ebda risposta ħlief għal żewġ tentattivi ta’ Rodrigo ( fl-ewwel taqsima) li stampaw mal-mimduda u fit-78 minuta, l-attakkant żgħażugħ Antony GORDON għeleb lill-gowlkiper Meslier għat-tielet darba meta dawwar għal ġewwa it-tentattiv ta’ Richarlison.

L-inkwiet għal Watford, li jinsabu t-tieni mill-aħħar, kompla jikber wara t-telfa f’darhom (0-2) ma’ Brighton and Hove Albion. Dan meta l-Hornets naqsu milli juru titjib mindu biddlu l-manager Claudio Ranieri ma’ Roy Hodgson – b’Watford ( li rebħu l-aħħar logħba tagħhom f’Novembru) lanqas ma jirnexxilhom jiskurjaw gowl wieħed fl-aħħar tliet logħbiet. Is-Seagulls marru fil-vantaġġ minuta mill-mistrieħ meta Neal MAUPAY (44) skorja b’half-volley brillanti fuq l-assist ta’ Tariq Lamptey. Fit-tieni taqsima, Watford ħarġu jfittxu d-dro u marru viċin mit-tentattiv ta’ Emmanuel Dennis li ħabat mal-lasta wara azzjoni personali mill-istess plejer. Madankollu, Brighton baqgħu perikolużi u tmien minuti mit-tmiem, huma għalqu kull diskors meta Adam WEBSTER għeleb għat-tieni darba lil Ben Foster wara taħwida minn korner.