Futbol Sport

Ryan Fenech jiskorja ġmiel ta’ gowl f’rebħa kbira ta’ Marsa

Chris Cassar

QRENDI ……………… 0

MARSA ………………. 4

Qrendi: E. Grech, L. Martinelli, Y. Ito, S. Schembri, I. Zammit, B. Sammut, J. Ogunnupe, A. Agius, K. Theuma, S. Perdomo, J. Cassar.

Marsa: A. Cassar, G. Virano, R. Fenech, L. Brincat, S. Arab, S. Bezzina, C. Gatt Baldacchino, A. Scicluna, G. Mckay, A. Samb, V. Alinho.

Referee: Philip Farrugia

Prestazzjoni mill-aqwa minn Marsa li telgħu momentarjament fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa komda fuq Qrendi, rebħa li kienet ukoll inkurunata b’gowl mill-isbaħ ta’ Ryan Fenech li għalaq il-festival tal-gowls għaxar minuti mit-tmiem.

Wara bidu kwiet Marsa fetħu l-iskor fit-12-il minuta meta Amadou Samb ikkontrolla l-ballun bit-takkuna u approfiita minn indeċiżjoni ejn il-goalkeeper ta’ Qrendi u Schembri li ħabtu ma’ xulxin u Samb seta’ jkompli l-ballun f’lasta vojta.

Qrendi wieġbu b’xutt sabiħ ta’ Ito li kiena salvat minn Cassar u fit-18-il minuta Marsa rduppjaw meta minn azzjoni ta’ korner, indeċiżjoni oħra fid-difiża u Clifford Gatt baldacchino minn pożizzjoni angolata fuq it-tieni lasta spara fix-xibka.

Marsa kkontrollaw il-kumplament tat-taqsima bi Qtendi jersqu biss qrib b’daqqa ta’ ras ta’ Perdomo li ħabtet man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Fit-tieni taqsima l-andament ftit inbidel u fil-71 minuta Marsa għalqu l-logħba bit-tielet gowl b’azzjoni ta’ Ryan Fenech li żmarka lil Samb li minn naħa tiegħu kompla lejn Luca Brincat l ma kellux diffikulta jkompli għal ġewwa. Tmien minuti wara wasal il-gowl kapolavur ta’ Ryan Fenech li minn kważi 40 metru, b’lob stupend għeleb lil Grech li kien ftit barra minn postu.

St. Andrew’s jirbħu d-derby kontra disa’ plejers

SWIEQI…………………………1

ST.ANDREWS……………….4

Swieqi: JC Debattista, N. Gauci, K. Sultana, I. Micallef, AD Schembri Wismayer, M. Vella, J. Caetano, K. Muscat, J. Scerri, F. Temile, M. Micallef

St. Andrews: M. Montfort, J. Sixsmith, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, S. Martinez, A. Nilsson, K. Sano, D. Camilleri, A. Borg Olivier, M. Muscat, LA Borg

Referee: Daniel Portelli

St. Andrews kisbu rebħa faċli ta’ 4-1 fuq ir-rivali tagħhom Swieqi, f’partita kkaratterizzata minn xita ta’ karti, kemm sofor u anke ħomor. B’din ir-rebħa St. Andrew’s komplew jitbiegħdu minn naħa t’isfel tal-klassifika fejn issa laħqu lill-istess Swieqi.

St. Andrews mill-ewwel ħarġu fuq l-offensiva u ttantaw xortihom mal-kwarta logħob, iżda x-xutt minn freekick ta’ Sixsmith minn barra l-kaxxa għadda jħakkek mal-lasta. L-isforzi tagħhom ġew ippremjati fil-21 minuta b’azzjoni mill-isbah tal-Iżvediz Alexander Nillson li qabeż żewġ difensuri ta’ Swieqi u għadda anke minn mal-gowlkiper Debattista, biex xeħet il-ballun f’lasti vojta b’xutt fil-baxx.

Il-logħba kompliet tikkumplika ruħha għal Swieqi minuta wara, hekk kif Mirco Vella, li diġa’ kien ammonit, ġie muri l-karta ħamra. Fl-24 minuta reġa’ kien Nillson li wara li rċieva pass preċiż mingħand D’Alessandro f’nofs il-kaxxa, ma kellu ebda diffikulta’ li jitfa’ l-ballun fix-xibka.

Kontra x-xejra tal-logħob, Swieqi reġgħu daħlu fil-partita fis-36 minuta, meta Scerri għadda l-ballun lejn Jose Caetano, li rnexxielu jsib ir-rokna tax-xibka b’daqqa ta’ ras.

Fl-aħħar minuta tal-ewwel taqsima, Swieqi spiċċaw jilagħbu b’9 plejers meta Michael Micallef intwera t-tieni karta safra tiegħu għal fawl fuq Sano fil-kaxxa. Ir-referee ta ukoll penalty favur St. Andrews, li nkariga ruħu minnu Alexander Nilsson, u ma falliex, biex skorja t-tielet gowl tiegħu tal-partita.

Is-sofferenza ta’ Swieqi kompliet tikber fid-69 minuta, meta l-Ġappuniż Sano Kei ħarab tajjeb lid-difensuri ta’ Swieiq u rnexxielu jqabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Debattista, għal skor finali ta’ 4-1.

Mqabba jikkanċellaw żvantaġġ doppju b’għaxar plejers

RABAT A. ………………… 2

MQABBA ……………….. 2

Rabat A: J.M.Vella, M. Borg, B. Micallef, L. Vella, D. Falzon, M.A. Bustos, K. Muscat, A. Smeir, S. Abela, D. Todorovski, M. Akingboye.

Mqabba: C. Abdilla, J. Briffa, O. Khatib, N. Falzon, G. Mannino, S. Kind, R. Spiteri, J. Attard, L. Mijic, T. Veronese, L. Musu.

Referee: Fyodor Zammit

Mqabba salvaw ir-riżultat kontra Rabat u dan minkejja li kienu żewġ gowls minn taħt kif ukoll bi plejer inqas. L-eroj ta’ Mqabba kien San Kind li skorja doppjetta bit-tieni gowl fl-aħħar minuta tal-logħba

Wara għaxar minuti Kind twaqqa’ fil-kaxxa bir-referee jordna l-penalty favur Mqabba iżda mill-ħdax-il metru ix-xutt ta’ Mijic ħabat ma’ sieq il-lasta. Rabat wettqu reazzjoni tajba u kellhom diversi ċansijiet ta’ skor fejn man-nofs siegħa daqqa ta’ ras ta’ Vella ħabtet man-naħa ta’ barra tal-lasta.

Fis-36 minuta azzjoni perikoluża mibdija minn Akingboye li qassam lejn Larens Vella li x-xutt tiegħu kien maqlugħ minn fuq il-linja. Żewġ minuti wara wasal il-gowl tal-vantaġġ Rabti meta minn kross ta’ Todorovski kien Kurt Muscat li skorja b’daqqa ta’ ras.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Rabat rebħu penalty meta Larens Vella twaqqa’ minn Luke Musu li kien muri wkoll il-karta ħamra. Mill-11-il metru kien Darko Todorovski li skorja bi preċiżjoni.

Fit-tieni taqsima minkejja l-inferjorita’ numerika kienu Mqabb li naqqsu l-iskor meta Sam Kind skorja mill-viċin wara li l-goalkeeper Rabti salva parzjalment daqqa ta’ ras ta’ Mijic. Fis-57 minuta Rabat sfortunati meta xutt ta’ Akingboye ħabat ma’ sieq il-lasta.

Il-logħba baqgħet ferm interessanti biż-żewġ naħat ikollhom ċansijiet ta’ skor biex minuta mit-tmiem Mqabba salvaw il-logħba meta Sam Kind skorja d-doppjetta personali meta approfitta minn indeċiżjoni tad-difiża Rabtija.

Marsaxlokk jirkupaw żvantaġġ doppju kontra l-leaders

M’XLOKK……………………………….2            

PEMBROKE……………………………2

Marsaxlokk: D. Galea, B. Scerri, I. Zammit, R. Caseres, T. Vella, C. Camilleri, X. Cappellino, WO Serrano, P. Xuereb, E. Vella, N. Micallef

Pembroke: M. Grech, N. Marshall, P. Farrugia, D. Sant, N. Pace Cocks, J. Suda, C. Zammit, J. Bajada, R. Fenech, W. Gomes, S. Jankovic

Referee: Daniel Casha

Marasxlokk irnexxielhom jiksbu punt importanti kontra l-leaders Pembroke meta żammewhom fi draw ta’ 2-2. Marsaxlokk kienu daħlu għall-mistrieħ b’żewġ gowls minn taħt, iżda ħarġu ferm agressivi fit-tieni taqsima u rnexxielhom idawwru r-rizultat. Pembroke kien għadhom ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi, iżda hekk xorta jibqgħu mingħajr telfa dan l-istaġun.

Pembroke bnew vantaġġ komdu ta’ żewġ gowls fl-ewwel taqsima, b’doppjetta ta’ Stefan Jankovic. L-ewwel gowl wasal fid-29 minuta meta Zammit għadda tajjeb bejn żewġ difensuri qabel qassam lejn Jankovic li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Galea. It-tieni gowl wasal fil-41 minuta, u għal darb’oħra reġa’ kien Jankovic li rnexxielu jsib ir-rokna tax-xibka b’xutt bid-dawra mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa.

Pembroke kienu tim kompletament differenti fit-tieni taqsima, u dehru neqsin mill-ideat. Marsaxlokk ħadu vantaġġ assolut minn dan u dawwru l-partita biex f’temp ta’ sitt minuti, kisbu draw meritat. Ix-Xlukkajri fetħu l-logħba beraħ mas-siegħa logħob meta Caseres seraq ballun lid-difiża ta’ Pembroke u għadda lejn is-sostitut Ryan Tonna, li ħasad għal kollox lill-gowlkiper Grech b’xutt minn barra l-kaxxa. Fis-66 minuta kien Micallef li dendel ballun fil-kaxxa ż-żgħira u Xuan Cappellino xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras biex akkwista l-gowl tad-draw.