Lokali

Waqt li l-qasam tat-turiżmu għadu għarkubbtejh il-Gvern iberbaq fuq il-‘pupi’

Il-qasam tat-turiżmu f’pajjiżna għadu qed jissielet biex b’xi mod jerġa’ jieqaf fuq saqajh wara d-daqqa devastanti li ħa kawża tal-pandemija, u fl-istess waqt, l-Awtorità tat-Turiżmu qed tħejji biex tagħmel nefqa ta’ miljuni ta’ ewro fuq attivitá biex jinġiebu l-LOL Surprise Dolls.

Persuni li jaħdmu fil-qasam turistiku jinsabu rrabbjati ferm għall-mod kif il-Gvern qed iberbaq il-flus fuq attività kummerċjali li mhu mistenni tattira l-ebda tip ta’ turiżmu, filwaqt li huma qed jitħallew jitħabtu biex iżommu rashom ‘il fuq mill-ilma u ma jitilfux dak kollu li nvestew tul is-snin.

B’din l-attività tal-pupi, iddandan ħafna d-DJ li issa qed imexxi d-Digital Marketing tal-MTA Lionel Gerada, b’ritratti fuq Facebook fejn jidher flimkien ma’ dawn il-‘pupi’ li se jinġiebu f’pajjiżna u li għalihom il-Maltin se jkunu qed iħallsu l-miljuni fi sponsorship.

Nies intiżi fid-destination marketing qalulna li dawn il-‘pupi’ mhu se jħallu l-ebda qligh lil pajjiżna u mhu se jattiraw l-ebda turiżmu.

Meta NetNEWS beda jiżvela t-taħwid u t-tberbiq li qed isir mill-Gvern f’qasam li jinsab għarkubbtejh, kemm il-Ministru Clayton Bartolo, kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-kap ezekuttiv tal-awtorita tat-turiżmu Johan Buttigieg baqgħu ħalqhom siekta dwar dan kollu.

Intant, dan l-istazzjon jinsab infurmat li Rodrerick Bartolo, li ismu deher fil-Paradise Papers b’għadd ta’ kumpaniji li għandu f’ismu, ingħata kuntratt biex jiżviluppa l-website il-ġdida ta’ Visit Malta.

Fl-imgħoddi, l-awditur ta’ wħud mill-kumpaniji ta’ Roderick Bartolo kien propju Clayton Bartolo – illum Ministru tat-Turiżmu. U inċidentalment l-istess persuna li llum taħtu taqa’ l-awtorità li qed tagħti l-eluf lil Roderick Bartolo.