L-eks Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty fl-2018 siefer fuq btala f’Las Vegas ma’ Christian Borg u Tyson Grech. Dan meta Gaerty kien għadu qed imexxi l-Inland Revenue.
Il-MaltaToday żvelat kif din il-btala saret inqas minn xahrejn minn meta Borg kien qed jiġi investigat mid-Dipartiment tat-Taxxa fuq audit tal-kumpanija Princess Holdings. Dak iż-żmien Christian Borg u Tyson Grech kienu qed imexxu din il-kumpanija …iżda kienu għadhom ma ssottomettewx imqarr sett wieħed tal-kontijiet annwali tal-kumpaniji Princess Holdings u No Deposit Cars.
L-accounts li ġew preżentati f’Jannar ta’ din is-sena juru li Princess Holdings akkumulat 22 miljun ewro f’telf … minkejja li Borg u Grech tellgħu diversi ritratti fuq is-social media tal-mawra lussuża li kellhom f’Las Vegas.
Marvin Gaerty, Chritian Borg u Tyson Grech marru Las Vegas f’Ottubur tal-2018 sabiex jaraw ġlieda boxing… mawra li swiet eluf ta’ flus… fejn f’ritratti li ħadu huma stess dehru jsuqu karozza lussuża.
Mistoqsi mill-MaltaToday, Gaerty qal li huwa ħallas għall-vjaġġ, għall-akkomodazzjoni kif ukoll għall-biljetti tal-avveniment.
Gaerty ċaħad li kien ħabib qrib ħafna ta’ Christian Borg u qal li dejjem għamel distinzjoni bejn ix-xogħol tiegħu u l-ħajja privata… b’Gaerty jgħid li dejjem aġixxa skont il-liġi u l-policy tad-dipartiment tat-taxxa.
Marvin Gaerty fl-2021 kien interrogat mill-Pulizija bħala parti mill-investigazzjonijiet marbuta ma’ Yorgen Fenech dwar komunikazzjoni li saret bejn it-tnejn li huma fl-2014.