Rowen Camilleri
ĦAMRUN S…..0
GUDJA U………1
Ħamrun S: M. Debono, J. Mbong, J. Soares (C. Mercieca 66’), A. Oyama, S. Borg, F. Sasere (P. Dordevic 79’), M. Fedele (S. Attard 79’), L. Gambin (D. Gojkovic 66’), K. Micallef, E. Marcelina, F. El Bakhtaoui
Gudja U: G. Zammit, M. Muchardi, L. Cremona (G. Mensah 46’), J. Arthur, B. Selemani, N. Tabone, F. Zuniga, J. Bolanos, N. Dzalamidze (H. Vella 85’), N. Micallef, M. Dias (A. Friggieri 46’)
Skorjaw: B. Selemani 79’ (G)
Imwissija: F. Sasere 11’, E. Marcelina 71’, K. Micallef 87’ (Ħ), F. Zuniga 67’, N. Tabone 74’ (G)
Referee: Emanuel Grech
Assistenti Referees: Luke Portelli u Duncan Spencer
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (Gudja United)
BOV Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (Gudja United)
F’partita li ftit offriet spettaklu għal dawk preżenti Gudja United ħasdu liċ-champions Ħamrun Spartans meta fl-Istadium Nazzjonali rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 b’goal fl-aħħar għaxar minuti tal-partita. Din kienet il-ħames logħba konsekuttiva bla rebħa għal Ħamrun filwaqt li Gudja rritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Birkirkara.
Mark Buttigieg għamel diversi bidliet fejn rajna plejers li s-soltu jkunu regolari bħal Henry Bonello, Darko Gojkovic u Claude Dielna jibdew din il-partita minn fuq il-bank tas-sostituti. Minn naħa l-oħra il-kowċ żgħażugħ Thane Micallef għamel żewġ bidliet mill-formazzjoni li lagħab biha fit-telfa ta’ 1-0 kontra Birkirkara fejn minflok Tesior Gusman u Gabriel Mensah lagħab lil James Arthur u l-Marcelo Dias.
L-ewwel xutt lejn il-lasti wasal minn Ħamrun fis-17-il minuta fejn kien l-Iżvizzeru Matteo Fedele li ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda x-xutt kien dgħajjef wisq u spiċċa f’idejn Zammit. Fit-22 minuta Gudja rrispondew ukoll b’xutt minn barra ta’ Selemani iżda anke hawn il-goalkeeper Matthias Debono laqa’ faċilment. Fit-32 minuta Fedele rċieva minn throw in, u wara li dar ma’ difensur ra l-konkluzzjoni tiegħu tkun salvata minn Zammit. Fis-36 minuta Oyama minn korner jitfa’ ballun fuq ras Soares li iżda tefa’ għoli. Erba’ minuti wara Muchardi jidħol fil-kaxxa ta’ Ħamrun u jqassam lejn Cremona li prova xutt mill-ewwel iżda mar għoli.
Erba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Ħamrun ħarġu fuq l-offensiva b’Sores fil-kaxxa jwaqqa’ lura lejn El Bakhtoui iżda l-Marokkin tefa’ barra. Fit-53 minuta Oyama bil-kross fil-kaxxa avversarja iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Sasere tispiċċa f’idejn Zammit. Fit-58 minuta reġa kien Oyama bil-kross u din id-darba Soares daħal tajjeb bir-ras iżda sab lil Zammit attent li b’diffikultà tajjar il-periklu. Mas-siegħa logħob Soares qassam tajjeb ‘il quddiem lejn Sasere li avvanza iżda f’tentattiv li jaqbeż lil Glenn Zammit sabu għal darb’ oħra attent li ħadlu l-ballun minn siequ.
Gudja United ħasdu lil Ħamrun fid-79 minuta meta kien kontrattakk veloċi tas-sostitut Gabriel Mensah li avvanza u xuttja bil-goalkeeper Debono jilqa’ parzjalment bil-pleyer BIENVENU SELEMANI jidħol tajjeb u jilħaq qabel l-istess Debono u b’xutt fil-baxx tefa’ ġewwa. Fil-ħin miżjud wara żball difensiv minn Ħamrun kien Mensah li ttanta xortieh minn barra bil-ballun jgħaddi ftit barra.
Ħamrun baqgħu bl-istess andament tal-partita fejn kellhom ħafna mill-pussess iżda ma’ għarfux jisfruttaw l-attakki f’periklu għall-avversarji, bl-iskor jibqa ma’ jinbidilx u bit-tliet punti jmorru għand it-tim immexxi minn Thane Micallef.
//= $special ?>