Il-botti u r-risposti bejn Robert Abela u Joseph Muscat komplew. Il-qasma fil-Partit Laburista kompliet toħroġ fid-deher bl-attività tas-‘show of force’ li qed jagħmel il-Prim Ministru kull nhar ta’ Ħadd… anke issa bl-aħħar attività f’Ħal Tarxien. Din id-darba kien imiss li ta’ Abela juru lil ta’ Muscat, ta’ min hu l-Moviment tal-Labour.
Diskorsi li jaslu l-għada li kienet ippublikata intervista ta’ Joseph Muscat, li bl-aktar mod ċar wera’ kif Robert Abela sab is-sodda mifruxa u ma ddejjaq xejn iwwissieh u jfakkru kif il-Moviment huwa ta’ Joseph u mhux ta’ Robert. Dan filwaqt li kompliet ukoll il-battalja aperta bejn in-nies ta’ Robert Abela u dawk ta’ Joseph Muscat b’dawk ta’ Abela jitħallew jitkellmu fl-attivitajiet tax-‘show of force’ tal-Ħadd u dawk ta’ Joseph Muscat jitħallew jiftħu ħalqhom biss f’postijiet li ta’ Abela ma jistgħux jikkontrollaw. Fejn issa, fl-aħħar sigħat, waslet ukoll il-konferma ta’ Joseph Muscat innifsu li hemm membri b’kariga għolja fil-Labour u fil-Gvern li għadhom f’kuntatt kontinwu miegħu.
Dan filwaqt li l-attività tal-Labour tal-Ħadd kompliet tikkonferma l-ġlied li hemm fil-Partit Laburista, li wara xhur wara bibien magħluqa, issa bdiet toħroġ fil-beraħ. Partit li qed jaffaċċja ħafna kritika għall-fatt li huwa moħħu biss biex isolvi l-problemi tiegħu, milli l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna u l-problemi li qed iħabtu wiċċhom magħhom il-Maltin u l-Għawdxin.
