Lokali

Il-manuvri tal-Labour fil- 5 Distrett

Il-Prim Ministru Robert Abela jidher li fetaħ front ġdid ta’ ġlied u piki… din id-darba mal-Eks Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli li filli kienet tgawdi kariga prestiġjuża fi Brussell u filli issa għandha s-Siġġu Elettorali tagħha mhedded.

B’riżultat tad-diverġenzi bejn Robert Abela u Miriam Dalli, il-Ħadd li għadda kien imiss lill-istess Miriam Dalli li waqt l-attività politika li l-Partit Laburista organizza fl-imqabba, sfaċċatament ma ħaditx b’idejn Robert Abela… messaġġ dirett li l-mossa fil-konfront tagħha li jikkontesta l-Ħames distrett kienet biss daqqa taħt iċ-ċintorin.

Sorsi infurmati fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ Il-Mument f’nofs din il-ġimgħa żvelaw magħna kif Robert Abela u dawk tassew viċin tiegħu jridu jieħdu kmand assolut tal-Partit Laburista u wara li varaw il-ġlieda mal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – saħansitra bil-Pulizija jispiċċaw jagħmlu tfittxija kemm f’daru u anki fl-uffiċċju li għandu f’Sa Maison – issa jidher li dawru l-kanuni tagħhom biex idgħajfu lill-Eks Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli.

Dak li ġara nhar il-Ħadd li għadda waqt l-attività Laburista fl-Imqabba kien ir-riżultat ta’ strateġija li ilha tinħadem minn Robert Abela u t-tim ristrett ta’ nies tiegħu. L-aħbar li Robert Abela ma hux se jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali fuq is-Sitt Distrett – Ħal Qormi b’mod partikulari fejn hu meqjus ‘at home’ – iżda fuq il-Ħames Distrett Elettorali ssorprendietx lil kulħadd fil-Partit Laburista għaliex fl-aħħar żminijiet kien qiegħed iberraq sew fir-relazzjonijiet bejn l-istess Robert Abela u l-Eks Ewro Parlamentari Miriam Dalli.

L-interpretazzjoni hi waħda ċara daqs il-kristall… dik li Robert Abela jħarbat għal kollox il-kandidatura ta’ Miriam Dalli bil-possibbiltà li biex din tkun eletta jkollha tirrikorri għall-klawsola l-ġdida mdaħħa fil- Kostituzzjoni li biha jkunu eletti wkoll numru ta’ kandidati nisa. Robert Abela minn issa jrid li jdgħajjef kemm jista’ lil Miriam Dalli anki invista ta’ dak li jista’ jiġri għada pitgħada internament fil-Partit Laburista fejn jista’ jkun hemm min jimbottaha għat-tmexxija tal-Partit.
Kemm-il darba jiġri hekk, allura dan ikun ta’ disfatta u umiljazzjoni mhux xierqa fil-konfront ta’ Miriam Dalli li fi Brussell kienet qed tagħmel biċċa xogħol tajba, apparti mill-fatt li kienet għaddejja stil ta’ ħajja tajba bi dħul ferm itjeb u garantit. Iżda mill-kliem għall-fatti hemm il-baħar jikkumbatti u jekk biex inġiebet Malta, Robert Abela pinġġielha l-ilma jiżfen, issa r-realtajiet jidhru kemmxejn differenti… anki jekk wieħed jara x’qed jiġri minn kwistjonijiet li suppost li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha bħala l-Ministru għall-Enerġija!

Dawk madwar Miriam Dalli huma diżappuntati ħafna bid-deċiżjoni ta’ Robert Abela li fiha nnifisha qed tkompli turi l-qasmiet interni fi ħdan il-Partit Laburista li hu maqsum fi tliet fazzjonijiet, proprju l-fazzjoni li qed tappoġġja lil Robert Abela, il-fazzjoni li baqgħet leali lejn Joseph Muscat, iżda anki l-fazzjoni li baqgħet issostni lid-Deputat Viċi Prim Ministru Chris Fearne li hu mweġġa’ bil-mod kif kien milgħub fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Iżda Robert Abela u dawk ta’ madwaru huma konxji mill-potenzjal tal-Eks Ewro Parlamentari Miriam Dalli u hu għalhekk li se jiffaċċjaha direttament fuq l-istess Ħames Distrett fejn se jkun hemm itellqu magħhom ukoll il-Ministru Owen Bonnici li fl-aħħar ġimgħat reġa’ kiseb ċertu popolarità, u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi li wkoll igawdi ċertu popolarità.

Magħhom fit-tellieqa, apparti minn kandidati l-oħrajn meqjusa ‘żgħar’, hemm ukoll Julia Farrugia li iżda battiet fil-popolarità tagħha anki għaliex fil-karigi li okkupat ma tantx tajret nar, b’mod partikulari bħala Ministru għat-Turiżmu fejn falliet kompletament.

Il-mossa ta’ Robert Abela li jikkontesta l-Ħames Distrett qed titqies bħala waħda “krudili” min-nies ta’ Miriam Dalli anki invista tal-fatt li jekk mill-Ħames Distrett Elettorali ċ-ċansijiet tagħha issa ħadu daqqa ta’ ħarta, l-istorja fir-rigward tal-Ħdax-il Distrett Elettorali ma hix wisq isbaħ.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna li fil-Ħdax-il Distrett Miriam Dalli hi meqjusa bħala “barranija”, aktar u aktar meta l-elettorat Laburista fid-Distrett hu leali lejn id-Deputati Anthony Agius Decelis, Alex Muscat u Michael Farrugia.

Iżda din id-darba fit-tellieqa f’isem il-Partit Laburista se jkun hemm ukoll is-Sindku Romilda Zarb li hi Mostija u bil-wisq aktar viċin l-elettorat tad-Distrett minn Miriam Dalli. Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu kien evidenti l-messaġġ ta’ Miriam Dalli nhar il-Ħadd li għadda fl-Imqabba waqt l-attività tal-Partit Laburista hekk kif fil-bidu, u ċioè waqt li Robert Abela kien qed jieħu b’idejn il-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista u l-partitarji Laburisti, Miriam Dalli tbaxxiet u daret fil-mument li l-istess Robert Abela wasal ħdejha biex hekk irrifjutat li tieħu b’idejn l-istess Robert Abela u s-Sinjura Abela.

Il-filmati ta’ ‘One’ jitkellmu waħidhom. Fil-fatt dan il-ġest inqabad bl-aktar mod ċar mill-filmati tal-istazzjon Laburista ‘One’ fejn Miriam Dalli, liebsa ġakketta bajda, tidher iddur l-oppost ta’ fejn Robert Abela u s-Sinjura Abela kienu mexjin waqt li kienu deħlin għall-attività politika.

Din kienet mossa preċiża li turi d-diżappunt ta’ Miriam Dalli għall-azzjoni ta’ Robert Abela. Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li fil-fatt jekk Miriam Dalli hi urtata bis-sħiħ għal din l-azzjoni ta’ Robert Abela, mhux b’inqas
hu urtat ukoll l-Eks Ministru Laburista Karmenu Vella li Miriam Dalli tiġi l-mara ta’ ibnu. Karmenu Vella, Miriam Dalli u l-bella kumpanija huma konxji li bħala Mexxej, Robert Abela se jkun qed jagħti daqqa mhux żgħira lill-
kandidati Laburisti kollha fl-istess Ħames Distrett, b’mod partikulari lilha.

Tags