Liverpool kisbu rebħa ferm diffiċli għand Burnley biex issa naqqsu d-distakk ma’ Manchester City, il-liders tal-Premier League, għal disa’ punti – u meta r-Reds ta’ Jurgen Klopp lagħbu logħba anqas mis-Citizens. Intant, it-telfa 0-1 għal Burnley tfisser li l-Clarets ta’ Sean Dyche għadhom ankrati fl-aħħar post tal-klassifika, b’distakk ta’ punt ma’ Watford u bi tliet punti anqas minn Norwich City li jinsabu t-tielet mill-aħħar. Burnley fetħu tajjeb u ħlew żewġ okkażjonijiet tajbin ta’ skor minn Wout Weghorst, bid-difiża tar-Reds tinqabad fuq sieq waħda. F’okkażjoni minnhom, Weghorst xeħet banalment barra sekondi wara li spiċċa żmarkat u wiċċ-imb-wiċċ mal-gowlkiper Alisson Becker. Iżda mbagħad wasal il-mument ta’ Liverpool meta, kontra x-xejra tal-logħob, Fabinho (40) skorja l-uniku gowl tal-logħba meta sammar ġewwa mill-viċin fuq azzjoni ta’ korner, Il-gowl ixxokkja lill-partitarji f’Turf Moor iżda fit-tieni taqsima, Burnley ħarġu determinati li jsalvaw xi ħaġa mil-logħba, b’Josh Brownhill jara x-xutt tiegħu mill-bogħod salvat minn Alisson. Kien hemm ukoll ċans tajjeb għal Liverpool, meta Diogo Jota xeħet barra mill-qrib fuq kontra-attakk veloċi, u bir-riżultat jibqa’ l-istess sal-aħħar.
Wolverhampton Wanderers kisbu rebħa komda fuq Tottenham Hotspur f’White Hart Lane u b’hekk huma qabżu lill-istess Spurs fil-klassifika. Din hi wkoll l-ewwel darba li Antonio Conte, il-manager ta’ Tottenham, tilef tliet konfronti konsekuttivi f’kampjonat minn Novembru tal-2009, meta hu kien imexxi lit-tim Taljan ta’ Atalanta. Wolves sabu ruħhom 2-0 minn fuq fl-ewwel 20 minuta wara nuqqas ta’ attenzjoni mid-difiża u grazzi wkoll għall-indeċiżjoni tal-gowlkiper Hugo Lloris. L-ewwel gowl, fil-fatt, wasal fuq żball ta’ Lloris li klerja l-ballun ħażin, b’Raul Jimenez (6) isib ix-xibka b’volley preċiż. L-affarijiet komplew fuq nota ħażina għal Spurs, b’Leander Dendocker (18) jirdoppja wara li l-avversarji tilfu l-pussess u spiċċaw esposti għal kontra-attakk veloċi. Grazzi għal dan is-suċċess, Wolves jinsabu fis-seba’ post tal-Premier League b’distakk ta’ tlett punti biss ma’ West Ham United – li jinsabu r-raba’ fil-klassifika — u meta t-tim ta’ Bruno Lage lagħab logħba anqas mill-Hammers.
Newcastle United komplew jitbiegħdu miz-zona l-ħamra tal-klassifika wara t-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat – din id-darba għall-ispejjeż ta’ Aston Villa. Il-gowl uniku li xeħet lill-partitarji f’St James Park f’dellirju ta’ ferħ wasal fil-35 minuta meta, minn freekick tad-difensur Kieran Trippier, il-ballun ħabat ma’ Emiliano Buendia (li kien qed jifforma parti mill-ħajt difensiv tal-Villains) qabel spiċċa fix-xibka ta’ Martinez. Dan kien ukoll it-tieni gowl għal Trippier minn set-piece fi spazju ta’ ħamest ijiem u wara li hu kien skorja freekick stupend fir-rebħa (3-1) tal-Geordies fuq Everton.
Wara l-gowl, Aston Villa wettqu reazzjoni, iżda ‘gowl’ bir-ras ta’ Ollie Watkins spiċċa mħassar fuq deċiżjoni ta’ offside u wara konsultazzjoni twila mal-VAR.
Leicester City u West Ham United spiċċaw fi draw, 2-2, fil-King Power Stadium u għal riżultat li ma jissodisfa lill-ebda naħa. Kienu l-Hammers li marru fil-vantaġġ minn Jarrod Bowen wara biss għaxar minuti, b’Leicester jiksbu d-dro b’penalty ta’ Tielemans (45) wara l-hands ta’ Cresswell fil-kaxxa. Fit-tieni taqsima, il-Foxes dawwru r-riżultat, 2-1, bid-daqqa ta’ ras ta’ Riccardo Pereira (57) iżda minuti mit-tmiem ( fil-ħin miżjud), Craig Dawson kiseb parità meta skorja bi spalltu fuq il-korner ta’ Bowen.
PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Man Utd v Southampton 1-1, Brentford v C’Palace 0-0, Everton v Leeds Utd 3-0, Watford v Brighton 0-2, Norwich v Man City 0-4 Illum: Burnley v Liverpool 0-1, Newcastle v Aston Villa 1-0, Tottenham v Wolves 0-2, Leicester v West Ham 2-2
//= $special ?>