L-aħħar skandlu li qed ikompli jitfa’ dell ikrah fuq il-Prim Ministru Robert Abela, kompla joħloqlu aktar problemi ma dawk li diġa’ kien qed jaffaċċja minħabba l-paga ta’ €17,000 li kien qed jieħu fix-xahar. Robert Abela uża ftit minuti mid-diskors tiegħu fl-attività tal-Ħadd tal-Labour biex jipprova jitnaddaf mill-iskandli li qed ikomplu jiġru warajh.
Mhux ta b’xejn li Robert Abela kien kontra l-abbozz ta’ liġi dwar ġid mhux spjegat u kontra l-ġlieda fil-konfront tal-kriminalità organizzata. Dan meta ftit ġimgħat wara li nqabad li kien qed jieħu €17,000 fix-xahar, issa sirna nafu bi skandlu ieħor dwar Robert Abela.
Il-Mexxej tal-Labour ma ċaħadx ir-rabta li għandu ma’ Christian Borg, lil hinn mix-xogħol professjonali tiegħu u fid-diskors tiegħu tal-Ħadd prova joħroġ minn dan l-iskandlu billi saħaq li ħareġ l-informazzjoni min jheddu. Dan mhux il-każ għaliex, Roebrt Abela wieġeb biss, wara li kien jaf li ħierġa storja dwaru u meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan l-aħħar skandlu b’allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu.
Meta affaċjat mid-domandi tal-ġurnalisti Abela spjega li għamel saħansitra biċċa business ma’ Christian Borg, wieħed mill-akkużati li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ ħtif ta’ persuna fl-24 ta’ Jannar, fejn heddewh li jistuprawlu lil oħtu u li jaqtgħulu subajgħ barra.
F’pajjiż greylisted, l-aħħar ħaġa li għandha bżonn Malta huwa dell ieħor fuq il-Prim Ministru li seta’ kien involut fi skemi li jintużaw fil-ħasil tal-flus u minkejja d-diskors tiegħu, Robert Abela baqa’ ma ddikjarax dak kollu li jaf dwar dak żvelat fit-Times. Lanqas ma ta dettalji dwar transazzjonijiet tiegħu nnifsu, kemm qala’ flus u jekk iddikjarax kollox. Ma qalx lanqas jekk id-differenza fil-prezz bejn l-ewwel u l-aħħar konvenju u jekk għamilx due diligence fuq il-klijenti tiegħu qabel ħadmilhom.
Fl-istess diskors tal-Ħadd, għal darb’oħra, f’paniku, Robert Abela prova jiġbor ġieħu mal-poplu Malti u Għawdxi dwar il-paga ta’ €17,000 fix-xahar li għal tul ta’ snin ħa mill-Awtorità tal-Ippjanar, skandlu li evidentalment għadu qed joħloq il-problemi fil-Labour. Il-Prim Ministru qal li ħalla dik il-paga warajh biex iservi lill-pajjiż minn Kastilja. Diskors faċli li jgħid, persuna li akkwista dawk l-eluf kollha fix-xahar, minn flus il-poplu, qabel ħalla l-kariga biex skontu “jservi l-pajjiż.” Dan fid-dawl tal-fatt li sal-lum għadu qed jaħbi l-kuntratti tal-ħlasijiet li ħa mill-Awtorità tal-Ippjanar. Biex meta fl-aħħar ġimgħat kien affaċjat bid-domandi tal-ġurnalisti, qalilna li kien jieħu €17,000 fix-xahar għax kien jaħdem fil-weekend. Iżda meta affaċjat biex jippublika d-dettalji tal-ħlas li kien jieħu, Robert Abela baqa’ jaħbi l-kuntratti li kellu mal-Awtorità tal-Ippjanar, li minnhom daħħal €17,000 fix-xahar.
//= $special ?>