Lokali

Robert Abela jikkonferma l-involviment tiegħu f’deal ma’ allegat kriminal

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela ma ċaħadx ir-rabta li għandu ma’ Christian Borg, lil hinn mix-xogħol professjonali tiegħu. Dan hekk kif, meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti t-Tlieta filgħaxija, Abela spjega li għamel saħansitra biċċa business ma’ Christian Borg, wieħed mill-akkużati li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ ħtif ta’ persuna fl-24 ta’ Jannar, fejn heddewh li jistuprawlu lil oħtu u li jaqtgħulu subajgħ barra.

Filwaqt li Borg kemm-il darba ftaħar fuq il-media soċjali dwar ir-relazzjoni mill-qrib li għandu mal-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela, fejn iddeskrivih ukoll bħala ħabib tajjeb ħafna, sorsi qrib l-investigazzjoni li tkellmu mat-Times of Malta spjegaw li Christian Borg qed jiġi kkunsidrat bħala l-moħħ wara l-operazzjoni. Borg … li hu reċediv … hu sid ta’ diversi kumpaniji ta’ bejgħ ta’ karozzi, kif ukoll karozzi tal-kiri, mhux biss f’Malta iżda anke fi Sqallija u f’Ċipru.

Dan filwaqt li qed jisħqu li kemm is-Sezzjoni tal-Pulizija ta’ Kontra d-Drogi kif ukoll tal-Ħasil ta’ Flus qed jaraw il-possibbiltà kif ix-showroom tal-karozzi u kumpaniji simili ntużaw biex jaħslu l-flus akkwistati mill-bejgħ ta’ drogi … fejn fost il-persuni taħt din l-investigazzjoni partikolari hemm Christian Borg flimkien ma’ Thorne Mangion … bl-istħarriġ saħansitra jmur lura għal Ġunju 2021.

Il-ġurnal jirrapporta li Christian Borg, Tyson Grech, Thorne Mangion, Burton Azzopardi u Jeremy Borg allegatament huma involuti f’ħafna aktar każi minbarra dan il-ħtif.

Irrapporta wkoll li l-Pulizija qed jissoktaw bl-investigazzjonijiet tagħhom biex jaraw kif, permezz tal-cryptocurrency, dan il-grupp ta’ persuni allegatament daħħal f’pajjiżna drogi, armi u splussiv mid-dark web.

Sadanittant, matul il-jum tal-Erbgħa, b’rabta mal-każ, tressaq il-Qorti Luke John Milton, li ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €3,000 u ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-familja tiegħu.