Żewġt irġiel, li ġew arrestati wara li uffiċjali tal-pulizija segwewhom lejn iż-Żebbuġ wara li waslu minn Sqallija u sabulhom 34 kg kannabis, b’valur ta’ madwar €700,000, fil-pussess tagħhom, inżammu taħt arrest preventiv fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga.
Fi stqarrija maħruġa qabel ma tressqu l-Qorti, il-pulizija qalet li l-arresti saru wara li rċevew informazzjoni li ż-żewġ individwi kienu qed jittraffikaw id-droga minn Sqallija għal Malta. Il-pulizija qalet li t-tnejn kienu qed jużaw garaxx f’Ħaż-Żebbuġ biex jaħżnu d-droga.
Tard is-Sibt filgħaxija, l-Iskwadra tad-Droga, bl-assistenza tar-Rapid Intervention Unit, segwew il-vann sal-garaxx ta’ Ħaż-Żebbuġ wara li wasal minn Sqallija. Il-garaxx kien iċċirkondat mill-pulizija, wara li żewġ karozzi twaqqfu milli joħorġu mill-proprjetà.
Iż-żewġt irġiel ta’ 39 u 36 sena mbagħad ġew arrestati u ttieħdu l-lockup tal-Furjana. L-ewwel li ġie akkużat kien Terence Cini ta’ 36 sena, magħruf bħala “Il-Hudson” residenti Ħal Qormi. L-Ispettur Alfredo Mangion qal lill-Qorti li l-Pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali nhar is-Sibt li għadda dwar vann li wasal minn Sqallija, iġorr sustanzi illegali.
Saret sorveljanza u l-vann ġie segwit sa garaxx f’Ħaż Żebbuġ. Fil-garaxx il-pulizija sabu ftit inqas minn €300,000 fi flus kontanti, u ġewwa kompartiment moħbi fil-vann instabu 34 borża suspettata kannabis. L-Avukat Franco Debono, deher għal Cini, flimkien mal-avukati Marion Camilleri u Alfred Abela. Huwa staqsa dwar ir-rabta tal-klijent tiegħu mad-droga.
L-Ispettur qal li huma kienu użaw iċ-ċwievet tiegħu biex fetħu l-garaxx, u żied jgħid li dehru ħerġin mill-garaxx f’vetturi oħra. L-ispettur ikkonferma li Cini kien ingħata d-drittijiet tiegħu qabel ġie arrestat. L-Avukat Debono ma kkontestax il-validità tal-arrest.
Cini, li kien jinsab barra bil-libertà proviżorja għal diversi reati oħra – assigurati b’total ta’ pleġġ li jlaħħaq il-€198,000, irrifjuta li jwieġeb meta mistoqsi dwar ix-xogħol tiegħu mill-Qorti. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-Qorti rrifjutat li timponi projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-laqam tar-raġel, li l-avukati tiegħu qalu li jintuża fil-ħwienet tiegħu.
It-tieni li ġie mixli kien Kevin Mifsud ta’ 39 sena minn Ħaż=Żebbuġ. Huwa ġie mixli bi kompliċità fit-traffikar tal-kannabis, importazzjoni ta’ ħaxix tal-kannabis u pussess ta’ kannabis f’ċirkostanzi li indikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu biss. Huwa kien mixli wkoll b’attentat ta’ ġrieħi gravi fuq uffiċjali tal-pulizija, li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, kif ukoll b’sewqan imprudenti u perikoluż. Huwa kien akkużat aktar b’ħasil ta’ flus u reċidiv.
//= $special ?>