“L-SMEs taqbel mal-proposta li ħabbar Bernard Grech biex inkunu nistgħu nġibu l-ekonomija lura fuq saqajha bħalma kienet lura fl-2019”
Kienet din ir-reazzjoni pożittiva tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji dwar il-proposta li ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi… proposta li hi turija ċara ta’ kemm l-Partit Nazzjonalista jifhem il-weġgħat tan-nies u jaħdem sabiex kulħadd ikun jista’ jgħix b’mod dinjituż.
Il-proposta li ħabbar Bernard Grech hi li Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li t-taxxi kollha u kontribuzzjonijiet għas-sigurtá soċjali li akkumulaw matul il-pandemija tal-COVID-19 jitħallsu fuq perjodu ta’ tmien snin bl-iskop li jiġu mgħejjuna n-negozji fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw fejn tidħol il-cash-flow.
Net News staqsa wkoll lill-President tal-SMEs, Paul Abela dwar l-importanza ta’ proposta bħal din biex tiġi applikata minnufih.
“In-negozji qed jesperjenzaw sfidi kbar minħabba d-daqqa li ħadu fiż-żmien tal-pandemija u hu għalhekk bżonnjuż li l-Gvern japplika proposta bħal din,” qal Abela.
Bernard Grech jisħaq li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qed jaffettwa l-ħajja tan-nies u se jibqa’ jagħmel dan ladarba jingħata l-fiduċja tal-poplu u jkun fil-Gvern.
Saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minnu huwa kommess li kulħadd jgħix aħjar u jpoġġi lil Malta l-ewwel u qabel kollox.