Lokali

“Il-Prim Ministru għandu xi jwieġeb” – PN

L-istorja tar-rabta bejn il-Prim Ministru Robert Abela u allegat kriminal hi ta’ inkwiet kbir partikolarment għaliex Malta għadha fil-lista l-griża… b’riżultat li dawk li jipprovaw isarfu ċekk jew jiġbdu l-flus mill-kont tal-bank tagħhom ikollhom iwieġbu numru ta’ mistoqsijiet daqs li kieku wieħed hu kriminali. Apparti li n-negozji qed jiffaċjaw spejjeż ġodda minħabba d-due diligence.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-kandidat Errol Cutajar …b’reazzjoni għar-rabta tal-Prim Ministru Robert Abela ma’ Christian Borg – rabta li allegatament tmur lil hinn mix-xogħol professjonali ta’ Abela.

Meta indirizza lill-media, Jason Azzopardi għamel numru ta’ mistoqsijiet, b’kollox 26 mistoqsija, li Abela kontinwament qed jaħrab milli jwieġeb… punti li qed ikomplu jitfgħu lil Malta fil-lista l-griża b’effett negattiv fuq in-negozji u anke n-nies li sempliċiment jipprovaw isarfu ċekk.

Jason Azzopardi saħaq li l-Prim Ministru għandu obbligu legali u politiku li jgħid il-verità u jieħu l-azzjoni meħtieġa dwar din is-sitwazzjoni għal ġid ta’ pajjiżna.

“Mhux ta’ b’xejn Robert Abela kien kontra l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta Bernard Grech kontra l-kriminalità organizzata,” qal Azzopardi.

Minn naħa tiegħu, Errol Cutajar qal li meta jdur id-djar, numru ta’ familji qed jgħidulu kemm qed isibuha diffiċli meta jkollhom jagħmlu użu mill-banek minħabba li pajjiżna jinsab greylisted.

Dan filwaqt illi insista li Robert Abela għandu jwieġeb id-domandi dwar dawn l-aħħar akkużi.

“Robert Abela hu fid-dmir u fl-obbligu li jkun accountable lejn il-poplu Malti biex joħroġ ‘clean’ biex finalment joħroġ lil pajjiżna mill-greylist,” qal Cutajar.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistenna tweġiba għal kull mistoqsija dwar din l-istorja, bil-kelliema jgħidu li pajjiżna verament għandu jkun l-aqwa fid-dinja… u mhux spiċċajna f’sitwazzjoni fejn il-Labour qed jiżbalja u l-poplu qed jispiċċa jħallas.