Lokali Qorti

Il-Qorti tilqa’ r-rifjut tal-investigatur li jagħti dettalji dwar l-assistenza tal-intelligence barranija f’każ ta’ importazzjoni ta’ splussivi

Is-Supretendent tal-Pulizija li mexxa l-investigazzjonijiet dwar raġel Ħaż-Żebbuġ, li jinsab mixli li pprova jixtri splussivi ta’ grad militari fuq id-dark web, qal lill-qorti li l-akkużat kien arrestat bħala parti minn operazzjoni kontra n-narkotiċi, u rrifjuta li jiżvela. x’informazzjoni kienet waslet minn servizzi ta’ intelligence barranin.

Is-Supretendent George Cremona kien kontro-eżaminat fuq il-pedana tax-xhieda hekk kif it-Tnejn filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Jomic Calleja Maatouk ta’ 36 sena miż-Żebbuġ quddiem il-maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Calleja jinsab mixli li pprova jimporta f’Malta ammont ta’ splussiv C4, wara li xtrah minn fuq id-dark web. F’seduti preċedenti, il-qorti kienet semgħet xhieda tal-prosekuzzjoni jixhdu li s-servizzi tal-intelliġenza barranin kienu infurmaw lill-kontropartijiet Maltin tagħhom b’komunikazzjonijiet interċettati dwar xiri ta’ splussivi militari C4 u veleni qawwija Ricin u Polonium-210.

L-avukat difensur Benjamin Valenzia għamel il-kontro-eżami lis-Supretendent, u staqsih dwar l-intelliġenza li kien irċieva minn “servizz ta’ ħbiberija”. Valenzia staqsa kif is-servizzi tal-intelliġenza barranin kienu saru jafu dwar it-tranżazzjonijiet tad-dark web.

L-Ispettur Omar Zammit interrompa lill-avukat u qal li dan kien irrilevanti. Cremona rrimarka li kienet “informazzjoni ristretta, li ma nistax nixhed dwarha.” Il-maġistrat ukoll irrimarkat lid-difiża li l-intelliġenza ma tibqax intelliġenza kieku kellu jikxef is-sors tagħha.

Valenzia għadda għal mistoqsijiet oħra, fejn irrimarka li l-akkużat kien arrestat f’Birkirkara, u staqsa jekk inħariġx mandat. “Meta morna fuq l-arrest f’Birkirkara, ma kienx relatat ma’ dawn il-proċeduri, iżda kien każ ta’ droga,” wieġeb Cremona.

“Ġara għax konna rċevejna informazzjoni dak iż-żmien li kien qed iġorr id-droga. Fil-fatt, instab li kien qed iġorr id-droga u għaddej minn proċeduri kriminali separati dwar dan il-fatt.” Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal mistoqsijiet dwar Matthew Borg, il-courrier li ġie identifikat li wettaq xi 13-il kunsinna lil Calleja, u qal li ma kellu xejn x’jaqsam mal-każ inkwistjoni.

L-eks-impjegati ta’ Borg kienu ħarġu stqarrija s-sena l-oħra fejn iddiżassoċjaw ruħhom minn Borg, u qalu li kien “irriżulta kompliċi u l-impjieg tiegħu ġie mitmum immedjatament.” “Ix-xhieda jew le ta’ Matthew Borg ma għamlet l-ebda differenza għal din l-investigazzjoni,” xehed Cremona. Meqjusa wkoll bħala irrilevanti l-mistoqsija ta’ Valenzia dwar għaliex surmast kontra t-terroriżmu kien involut f’rejd tad-droga.

Cremona spjega li ma kienx hemm ħin biex jintalab mandat għar-rejd ta’ Birkirkara, li kien sar quddiem McDonald’s, hekk kif kien qed jibża’ li Calleja jirnexxilu jiddisponi mid-droga qabel jiġi arrestat. Il-liġi tipprovdi għal sitwazzjoni bħal din, żied jgħid.

Valenzia staqsa lis-suprtendent għaliex l-akkużat kien beda jħares l-ewwel lejn Polonium u mbagħad lejn C4. “Fir-rigward tal-polonju, il-bejjiegħ kien staqsieh il-piż u l-għoli tal-mira maħsuba. Calleja kien imbagħad talab ħames dożi iżda l-bejjiegħ qal li se tiġbed l-attenzjoni.”

Kien hemm ukoll tilwima dwar il-ħlas miżmum f’depożitu, qal. Calleja kien kompla jistaqsi dwar ix-xiri ta’ C4, ntbagħtu struzzjonijiet dwar kif titwaħħal mal-parti ta’ taħt ta’ karozza b’kalamita u informazzjoni dwar kif jitwaqqaf mercury switch.

Fi tmiem is-seduta xehdu wkoll is-sidien ta’ żewġ propjetajiet separati fi triq l-Imdina, Ħal Qormi – showroom u garaxx- li kienu mikrija lil Calleja. It-tnejn qalu li qatt ma kien hemm problemi serji bil-ħlas tal-kera. Sid is-showroom qal li ġieli kien ikun l-akkużat li jħallas il-kera, drabi oħra missieru. Il-każ ġie differit għax-xahar id-dieħel biex jixhdu x-xhieda tad-difiża.