Lokali

“Irridu naraw li l-pajjiż ikun aktar sigur għal kulħadd” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jagħmel minn kollox biex jara li l-pajjiż ikun aktar sigur għal kulħadd. Se jagħmel minn kollox biex tkun eliminata l-inugwaljanza u jkun assigurat li n-nisa mhux biss ikunu siguri, iżda li jkollhom is-setgħa bis-sħiħ biex jimxu ‘l quddiem u jirnexxu.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-Parlament meta spjega għaliex il-Partit immexxi minnu jaqbel ma’ emendi fil-Kodiċi Kriminali li fost l-oħrajn jeskludu l-femiċidju milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli abbażi ta’ passjoni instantanea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandhom ikunu trattati kif suppost l-isfidi li jġibu magħhom il-problemi ta’ saħħa mentali, anke biex ikunu mgħollija l-istandards tad-diċenza f’pajjiżna.

Hu għamel referenza partikolari għall-omiċidju tal-Pollakka Paulina Dembska, li qal li – mingħajr ma wieħed jiġġudika, ladarba l-proċess għadu għaddej – għandu jiġi trattat bħala konferma tal-fallimenti istituzzjonali, li qal li jista’ jkollhom konsegwenzi koroh.

Bernard Grech kompla li l-bidla li hemm bżonn issir, għandha ssir b’mod tanġibbli u mhux biss superfiċjali. Għax – fid-dawl tal-fatt li l-allegat aggressur kellu storja ta’ probemi ta’ saħħa mentali – kien ikun aħjar li kieku s-sistemi kienu aktar robusti jew li kieku rapporti preċedenti ttieħdu bis-serjetà.

Dan mhux biss b’aktar sigurtà fl-ispazji pubbliċi, iżda wkoll b’impenn akbar fl-Edukazzjoni li jindirizza ċerta imġieba lejn in-nisa … bħalma ġara f’vittmi oħrajn ta’ femiċidji, ta’ vjolenza domestika, ta’ stupru, abbużi u fastidji sesswali, fost oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li billi naġġornaw din il-Liġi, jaf ma jkunx biżżejjed għax dan hu biss il-bidu ta’ dak li jeħtieġ isir. Pereżempju, semma’ kif ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bil-mentalità ta’ “kollox jgħaddi”, kif rajna fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista.

Hu fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista stess li appella l-ewwel għal din il-Liġi u lest jipperfezzjonaha waqt l-istadji ta’ Kumitat … għall-kuntrarju tal-Ministru tal-Ġustizzja li għall-ewwel kien eskluda li jgħaddiha.

Bernard Grech qal li, bħalma rridu naraw li ekonomikament noħorġu lil pajjiżna mill-greylist, mill-aspett soċjali naħdmu fuq il-prinċipju li bullies ma jistgħux ikomplu jirbħu. Għaldaqstant, ma nistgħux naċċettaw aktar tattiċi ta’ intimidazzjoni, vjolenza u fastidju.

Filwaqt li appella biex wieħed jirrispetta u jipproteġi l-libertajiet ta’ l-ieħor, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Istat għandu jara li jsir l-investiment meħtieġa ħalli l-isfidi tas-saħħa mentali jkunu trattati kemm jista’ jkun kmieni u b’mod ħolistiku … fost l-oħrajn billi l-esperti tas-saħħa mentali jingħataw is-setgħa u r-riżorsi meħtieġa.

Hu temm billi nnota li hemm ħafna aspetti li għandhom bżonn jittejbu, iżda l-ammont ta’ xogħol li hemm bżonn isir m’għandux jaqtalna qalbna. Minflok, għandna nimtlew bil-motivazzjoni biex nibdew nimxu ‘l quddiem, anke quddiem Gvern li sfortunatament hu interessat biss biex jgħatti xturu, b’politika reattiva u ffokata biss fuq il-billboards.