Raġel, li ngħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda minħabba allegat attakk ta’ ħruq fuq numru ta’ vetturi, inżamm arrestat wara li t-Tnejn wara nofsinhar tressaq il-Qorti, akkużat li ta n-nar lil karozza oħra. L-Ispettur Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna akkużaw lil Jesmond Cassar, magħruf bħala it-Titu, quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras b’rabta ma’ attakk ta’ ħruq fuq Toyota f’Bormla fis-sigħat bikrin tad-19 ta’ Jannar.
L-Ispettur Xiberras qal lill-Qorti li wara li rċieva rapporti ta’ ħruq ta’ Totyota fi Triq Sant’ Anglu, il-pulizija kienet marret fuq il-post. Saret ukoll inkjesta maġisterjali, huwa qal. “Fil-post immedjatament ndunajna li l-‘modus operandi’ kien l-istess bħal żewġ attakki ta’ ħruq preċedenti… imwettqa mill-akkużat.”
Il-Pulizija kienet talbet profili ta’ telefonati bil-mowbajl u eżaminat filmati tas-CCTV li wrew Toyota Windy fuq il-post tal-attakk. Fid-9 ta’ Frar, raġel ieħor kien ġie arrestat b’rabta mal-attakki u kien ammetta kompliċità fil-ħruq. Huwa kien indika wkoll lill-akkużat bħala kompliċi tiegħu.
L-akkużat ġie arrestat fil-Marsa wara li ġie identifikat minn filmati CCTV dwar il-ħruq. Cassar ta’ 49 sena minn Bormla wieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ ħruq, ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi, ksur ta’ pleġġ u reċidiva. Huwa qal lill-Qorti li jinsab bla xogħol.
F’Novembru 2020, Cassar kien ġie mixli li ta n-nar żewġ karozzi oħra f’Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ. Sussegwentement huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru 2021, kontra depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti tordna l-qbid tal-pleġġ ta’ €11,000 ta’ Cassar. Minkejja t-tweġiba ta’ mhux ħati, l-avukat Daniel Attard, avukat difensur ma talabx il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Cassar għalhekk inżamm arrestat
//= $special ?>