Graziella Galea, PN
Il-bullying u stalking m’humiex xi ħaġa li bdiet isseħħ matul l-aħħar snin. Kienu jseħħu fil-passat u għadhom iseħħu sal-lum. Għalhekk jeħtieġ li l-passi li jittieħdu jkunu iebsin.
Matul l-aħħar snin, permezz tat-teknoloġija dan kollu sar iktar facli. Illum il-ġurnata minbarra stalking u bullying b’mod tradizzjonali, insibu wkoll dak li nsejhu cyber stalking u cyber bullying. Illum iktar faċli, li wiehed, mill-kumdità ta’ daru, jattakka lil persuna oħra, ħafna drabi permezz ta’ fake profiles.
Bl-iżvilupp tal-internet hawn persuni li jsibuha ferm faċli li jheddu lil ħaddieħor, għaliex m’hemmx bżonn li jaffaċċjaw lil dak li jkun wiċċ imb’wiċċ. Bil-maqlub isibuha faċli li jheddu, joffendu u jagħmlu kull forma ta’ bullying ieħor fil-konfront ta’ min ifettilhom. Għalhekk hu importanti li sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu rikonoxxuti u jiġu kkunsidrati bħala reat.
L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex jintroduċu r-reati ta’ cyber stalking u cyber bullying biex dawn jiġu kkunsidrati bħala reati speċifiċi li jiġu mwettqa fuq dak li nsejħu cyberspace u li jikkaġunaw ħsara lill-vittmi li lejhom ikun indirizzat dan l-abbuż.
Fit-8 ta’ Frar jitfakkar il-Jum Dinji għal Internet Iktar Sigur f’150 pajjiż differenti, inkluż f’Malta. L-internet hu essenzjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-iżvilupp tal-internet kien għodda tajba ħafna biex ikun hemm komunikazzjoni aħjar, iktar effiċjenti u iktar mgħaġġla. Irridu nassiguraw li l-internet ma jintużax b’mod ħażin. Għandna naraw li jkun hemm kontroll aħjar ta’ kif jintuża l-internet, speċjalment fost it-tfal u l-adoloxxenti. Hu importanti li jkun hemm sigurtà fuq l-internet, u l-protezzjoni neċessarja għall-individwi. L-istakeholders kollha; il-Gvern, is-settur privat u s-soċjetà ċivili iridu jaħdmu id f’id.
Biex jitwettqu dawn ir-reati, ta’ spiss ninnutaw li jintuża fake profile, profil li lanqas biss ikollu ritratt, jew li jkollu ritratt falz. Mhux faċli li l-moħħ wara fake profile jiġi identifikat mill-vittma u jridu jkunu l-awtoritajiet li jfittxu u jippruvaw isibu lil dawn il-persuni. Dawn fihom infushom huma indikazzjoni ta’ persuni li jridu jabbużaw mis-sistema u jattakkaw lil dak li jkun mingħajr wieħed ma jkun jista’ jidentifika il-persuna li hemm wara dan il-profil
Irid ikun hemm ukoll, bis-serjetà, l-għodda li trid tintuża biex fejn ikun hemm l-abbuż ikunu jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji, inkella l-liġi tkun hemm għalxejn. Ir-regolatur irid jingħata s-saħħa kollha possibli biex tkun tista’ tittieħed azzjoni xierqa u f’waqtha. Min iwettaq dawn ir-reati irid jinqabad fil-ħin biex jagħmel l-inqas ħsara possibbli, kemm lil vittma li fuqha jkun sar ir-reat – biex dan l-abbuż ma jibqax għaddej, kif ukoll fuq persuni oħra li jistgħu jispiċċaw vittmi tal-akkużat.
L-akkużat irid ukoll jingħata l-attenzjoni neċessarja, inkluż trattament jekk ikun hemm bzonn, biex dan ir-reat ma jibqax għaddej u lanqas isiru reati oħra. Il-piena trid tkun tali li biha persuna titgħallem biex ma terġax twettaq l-istess azzjoni ftit wara, b’deteriment għaliha u għal min jispiċċa vittma tal-attakk. Għandhom ukoll jiġu kkunsidrati pieni differenti, bħal ħidma fis-soċjetà.
Hi sellmet lill-pulizija tas-cyber crime li jagħmlu xogħol xejn facli. Però rridu nsaħħu din ir-riżorsa, permezz ta’ iktar taħriġ u permezz ta’ iktar persuni impjegati f’dan is-settur.
Irridu naraw li dawn il-każijiet jingħataw l-importanza neċessarja. Jekk persuna tmur f’għassa għandna naraw li r-rapport jittieħed bis-serjetà. Rapporti għandhom jittieħdu, jigu reġistrati, u mhux jitpoġġew fuq l-ixkaffa. Ikun inutli li jsir rapport, meta jsir, u ma tittiehed l-ebda azzjoni. Dan b’mod partikolari jekk il-persuna tkun waħda minorenni, biex nevitaw każjijiet fejn min ikun qed iwettaq reat, anke jekk għandu inqas minn 16 jew 14-il sena jispiċċa ħieles.
Għax persuna tkun minorenni ma jfissirx li hi tista’ tagħmel li trid, tisraq, thedded, twettaq reati fuq l-internet u oħrajn. Anzi għandna naraw li minn din l-eta tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex dawn l-adoloxxenti ma jkomplux iwettqu dawn ir-reati, bil-probabilità li la jikbru iwettqu iktar reati, u reati ta’ natura iktar gravi. Għaldaqstant ghandu jkun hemm koperazzjoni bejn il-pulizija u l-iskejjel biex dawn il-każijiet jigu trattati b’mod xieraq.
F’dan l-abbozz qed jiġu stabiliti tliet każi speċifici fejn jista’ jsir abbuż u b’hekk issa dawn il-każi qiegħdin jiġu identifikati b’mod iktar ċar permezz ta’ dan l-abbozz. Fl-abbozz hemm ukoll li l-piena għandha tiżdied meta l-ħsara tkun ikkaġunata fuq persuna taħt l-età jew fuq persuna li tkun vulnerabbli bħala riżultat tal-kapaċità mentali tagħha; jew meta r-reat ikun imwettaq minn żewġ persuni jew aktar li jkunu qegħdin jaġixxu flimkien. Dan hu pass importanti biex min ikun qed jabbuża mis-sistema ikollu deterrent biex ma jsibx mod iktar faċli biex iwettaq l-abbuz.
Il-pass li jmiss hu li għandu jkun hemm iktar għarfien ta’ dan l-abbozz permezz ta’ reklamar kemm fl-iskejjel kif ukoll fuq mezzi soċjali biex wieħed ikollu gharfien ikbar. Min jabbuża mis-sistema jaf, u jkun abbuża b’mod intenzjonat – ikun abbuża biex iwettaq danni fil-konfront tal-vittma. Però biex ma jkollniex skużi li wieħed ma kienx jaf jew li wiehed ma kienx ċert, irridu naraw li jkun hemm kuxjenza xierqa kemm tar-reat kif ukoll tal-piena relatata mar-reat.
Huma bosta, u differenti l-vittmi, imma fost il-persuni li l-iktar jigu attakkati hemm persuni pubbliċi, u dan l-attakk ikun maħsub biex itebba lil dak li jkun, u hemm id-dannu ikun spiss u ikbar.
Diversi drabi wkoll l-attakk isir fuq persuni that l-età, persuni vulnerabbli, jew persuni li jkunu għaddejjin minn mument diffiċli f’ħajjithom. Allura għandna nassiguraw li dawn il-persuni jkunu protetti bl-aħjar mod u f’kull ċirkostanza biex eventwalment dan l-abbuż jitnaqqas u jkollna socjetà aħjar.
//= $special ?>