Il-Gvern Ukren talab laqgħa urgenti mar-Russja, fil-preżenza ta’ mexxejja oħra Ewropej, sabiex tkun indirizzata b’mod urgenti l-kriżi tul il-fruntiera – bit-tensjoni tkompli teskala fl-aħħar sigħat.
Il-Ministru Ukren responsabbli mid-Difiża, qal li r-Russja diġa’ injorat diversi talbiet formali li saru minn Kiev sabiex il-Kremlin jispjega għaliex verament tpoġġew it-truppi tul il-fruntiera.
Kien għalhekk li intalbet laqgħa urgenti, biex ir-Russja tkun trasparenti dwar l-intenzjonijiet tagħha. Bil-Ministru jgħid li din il-laqgħa għandha ssir f’temp ta’ 48 siegħa.
Ir-Russja minn naħa tagħha qed tiċħad li trid tinvadi t-territorji Ukreni. Għalkemm fil-verita… it-truppi Russi mal-fruntiera Ukrena issa żdiedu għal 130,000. Bil-Ministru Ingliż responsabbli mill-armata jgħid li jinsab imħasseb ferm, minħabba li attakk mill-Kremlin jista’ jkun imminenti.
F’intervista televiżiva, il-Ministru Ingliż qal li f’temp ta’ ftit minuti minn mindu toħroġ l-ordni mill-President Putin, jista’ jkollna xita ta’ missili u bombi lejn il-Lvant tal-Ewropa. Dan filwaqt li mal-fruntiera diga’ ġew stazzjonati provvisti medici, fuel u anke assi militari oħrajn.
Sadatant, aktar pajjiżi ħeġġew liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mill-Ukrajna minħabba li s-sitwazzjoni fir-reġjun qed tkompli teskala.
//= $special ?>